“Trattawna bħal tan-Nikolaos” – ħaddiema tal-Gozo Channel

Mhux eskluż li l-ħaddiema tal-kumpanija Gozo Channel jirrikorru għal azzjonijiet industrijali minħabba li mal-160 impjegat jinsabu fuq forced leave jew inkella qed jaħdmu inqas sigħat. Dan b’kuntrast mal-membri tal-ekwipaġġ Griegi tan-Nikolaos li għadhom jaħdmu sigħat normali.

Fil-ġimgħat li għaddew, il-Gozo Channel ħabbret skeda ridotta minħabba n-nuqqas ta’ xogħol fid-dawl tal-imxija tal-coronavirus.

Newsbook.com.mt tkellem mal-Kap Eżekuttiv tal-UĦM-Voice of the Workers, Josef Vella, li stqarr li jekk is-sitwazzjoni ma tiġix irrimedjata u l-ħaddiema Maltin u Għawdxin ikollhom l-istess drittijiet bħall-ħaddiema Griegi, se tordna azzjonijiet industrijali.

Vella spjega li n-Nikolaos u l-ekwipaġġ tiegħu nġieb Malta biex jgħin fejn ma jlaħħqux it-tliet vapuri tal-Gozo Channel, u għaldaqstant jekk ikun hemm tnaqqis fl-iskeda tal-vapuri, dawn l-ewwel jitqassmu fuq it-tliet vapuri u jekk jibqa’ jieħu xi vjaġġi n-Nikolaos.

Il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM saħaq li mhux ġust li ħaddiema bi ftehim kollettiv bħal tal-Gozo Channel jiġu sfurzati jieħdu l-leave, filwaqt li dawk b’kuntratt, bħall-ħaddiema Griegi, jieħdu preferenza.

“Nispera li l-Gvern ma ffirmax mal-Griegi, bħalma għamel ma’ Steward Healthcare. Il-kuntratt ma nafux x’fih”, żied jgħid Josef Vella.

Insista li filwaqt li l-UĦM ma tridx iġġib lil Għawdex fuq għarkopptejh, hi trid tiddefendi d-drittijiet tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin.

“Ma setgħux jieħdu l-leave minħabba postijiet vakanti li qatt ma mtlew”

Sorsi qrib il-kumpanija qalu ma’ Newsbook.com.mt li hemm min għandu bilanċ ta’ madwar 100 siegħa leave u għaldaqstant il-kumpanija qed tordna biex dawn jintużaw hekk kif l-iskeda issa hija ridotta. Żiedu jgħidu li dan il-leave nġema’ minħabba postijiet vakanti matul is-snin li baqgħu ma mtlewx u għaldaqstant l-impjegati ma setgħux jieħdu leave.

“Bħalissa mhux żmien it-theddid bi strajk”

Mistoqsi minn Newsbook.com.mt fil-jiem li għaddew, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri stqarr li hu infurmat li hemm għadd ta’ ħaddiema li għandhom ħafna sigħat ta’ leave miġmugħin (ta’ fuq tliet snin) u li bħalissa l-kumpanija qed taħdem bi skeda ridotta.  Il-Ministru qal ukoll li hu konxju bil-komunikat li hemm bħalissa bejn il-UĦM – Voice of the Workers u l-Gozo Channel. Madanakollu appella li bħalissa mhux żmien li wieħed jhedded bi strajk, imma li kulħadd jerfa’ l-biċċa tiegħu. Assigura li l-ebda ħaddiem tal-Gozo Channel mhu se jkun qed jitlef xogħlu.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn