Trattament innovattiv għall-HIV

Fis-snin li ġejjin, il-kumpanija tal-farmaċewtika GlaxoSmithKline mistennija tirrapporta tisħiħ fil-pożizzjoni tagħha fis-suq kif ukoll tal-profitti tagħha wara li ViiV, manifattur li jifforma parti minnha, ħabbar is-suċċess fi prova klinika ta’ trattament innovattiv għall-HIV.

Din il-prova, imsejħa Gemini, u li użat żewġ tipi ta’ mediċinali minflok tlieta kif kien qed jiġri fil-passat, jista’ jsaħħaħ is-suq tal-kura tal-HIV għal GSK. Is-suċċess ta’ dan it-trattament jista’ jfisser bejgħ ta’ madwar biljun sterlina fis-sena mill-2025 ’il quddiem, perjodu meħtieġ sakemm il-kura tkun disponibbli fis-suq.

John Pottage, uffiċjal mediku tal-ViiV Healthcare, spjega kif il-mediċini attwali qed jippermettu lill-persuni b’din il-marda biex jgħixu ħajja itwal, iżda bosta pazjenti jkollhom jieħdu tliet mediċini jew aktar kuljum. Permezz tal-istudju Gemini, intwerew is-saħħa, is-sigurtà u t-tollerabilità mill-ġisem ta’ żewġ mediċinali magħrufa bħala dolutegravir u lamivudine.

Dan l-istudju sar fuq 1,400 mara u raġel f’ċentri ta’ riċerka fl-Ewropa, fl-Amerika, fl-Afrika ta’ Isfel u fl-Ażja-Paċifiku.

Is-suċċess ta’ din il-prova jista’ jwassal biex il-grupp tal-farmaċewtika jsaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu fis-suq, li fil-preżent jinsab fil-livell ta’ madwar 20 biljun dollaru fis-sena.

 

Musk se jibni mini taħt l-art f’Chicago

Sentejn ilu, il-fundatur tal-kumpanija tal-karozzi elettriċi Tesla, kiteb fi tweet waqt li kien maqbud fit-traffiku li ta’ min jinbnew mini taħt l-art biex titnaqqas il-problema tat-traffiku.

Jidher li din il-ħolma tista’ ssir realtà meta l-kumpanija tiegħu, b’isem ftit oriġinali ta’ Boring Company, rebħet kuntratt b’valur ta’ mijiet ta’ miljuni ta’ dollari biex jinbena pont ferrovjarju ta’ veloċità għolja taħt l-art fil-belt ta’ Chicago, bejn l-ajruport ta’ O’Hare u ċ-ċentru tal-belt.

Il-proġett, li se jkun finanzjat mill-privat, qed jikkommetti li jaqta’ dan il-vjaġġ ta’ 18-il mil minn 40 minuta għal 12-il minuta b’vetturi elettriċi li jivvjaġġaw b’aktar minn 100 mil fis-siegħa f’dawn il-mini. Dan il-proġett jista’ jkun l-opportunità biex Musk jipproġetta ideat aktar futuristiċi li jibdlu radikalment il-mod kif nivvjaġġaw. Musk huwa impenjat li jiżviluppa sistemi ta’ tranżitu mill-aktar veloċi bi spejjeż iktar baxxi mill-infrastrutturi tradizzjonali. Fl-idea oriġinali tiegħu Musk kien aktar innovattiv, u kien ikkunsidra l-possibilità ta’ vacuum tunnels biex il-veloċità tiżdied saħansitra aktar.

Il-kumpanija wettqet esperimenti dwar proġett simili f’mini f’Hawthorne, f’Los Angeles.

Il-proġett mistenni jiswa madwar biljun dollaru, u tħabbar ftit jiem wara li Musk ħabbar it-tnaqqis ta’ bosta impjiegi minn mat-Tesla, hekk kif il-manifattur ta’ karozzi elettriċi qed jipprova jnaqqas l-ispejjeż fil-proċess ta’ produzzjoni tal-Mudell 3.

 

Offerta astronomika minn Comcast għall-assi ta’ Fox

Comcast, kumpanija multinazzjonali tat-telekomunikazzjoni nediet offerta ta’ 65 biljun dollaru għat-takeover ta’ wħud mill-aktar assi prestiġjużi ta’ 21st Century Fox, offerta li se toħloq problemi serji għal ftehim li l-kumpanija ta’ Rupert Murdoch kienet laħqet ma’ Walt Disney ftit tal-ġimgħat ilu.

Comcast qalet li lesta tħallas lill-azzjonisti ta’ Fox 35 dollaru għal kull sehem għall-istudjos televiżivi u tal-films, għan-netwerks tal-cable, għall-kumpanija ta’ streaming fuq l-Internet Hutu, kif ukoll għal sehem ta’ 39% fix-xandar popolari Ewropew Sky.

Skont il-fornitur ta’ dejta Dealogic, din l-offerta (ta’ 65 biljun dollaru) hija l-akbar waħda li qatt saret f’ammonti immedjati.

Din l-offerta saret hekk kif bosta kumpaniji tal-midja u telekomunikazzjoni qed ifittxu li jikkonsolidaw lilhom infushom hekk kif qed jaffrontaw il-kompetizzjoni qalila ta’ gruppi teknoloġiċi bħal Netflix, Amazon u Google.

Fox qal li l-Bord se jivvaluta u jikkonsidra din l-offerta. Disney għandha ħamest ijiem biex tagħti kontrofferta, u diversi analisti u investituri qed jistennewha li fil-fatt tirritorna b’offerta ogħla.

Il-familja Murdoch kienet diġà rrifjutat ftehim ma’ Comcast għal wieħed ma’ Disney, bl-argument li l-ftehim mal-proprjetarja ta’ ismijiet bħal Pixar u Marvel toħloq anqas riskji li teħel mal-awtoritajiet regolatorji.

Comcast qalet li Bank of America Merrill Lynch u Wells Fargo se jgħinuha tiffinanzja din l-offerta.

 

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net Tel. 21493250. Tista’ tirċievi l-artiklu b’xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment