Trasport skejjel: Stennija għad-deċiżjoni

S’issa għadu ma ntlaħaq l-ebda ftehim bejn il-Ministeru u l-operaturi tat-trasport għall-iskejjel dwar skema ta’ trasport b’xejn għall-istudenti li jattendu l-iskejjel tal-Knisja u dawk indipendenti.

Ma’ Newsbook.com.mt, kelliema għall-Ministeru għall-Edukazzjoni qalet li f’dan l-istadju l-Gvern għadu qed jiffinalizza n-negozjati mal-operaturi. Għaldaqstant ma kinitx f’pożizzjoni li twieġeb għall-mistoqsijiet dwar meta se tibda l-iskema u kif se tkun qed taħdem.

Newsbook.com.mt tkellem ukoll ma’ tliet kumpaniji li joffru dan is-servizz.

Wieħed mill-operaturi qali għadhom għaddejjin in-negozjati u li għad m’hemmx qbil fuq kif se taħdem is-sistema.

Sidt kumpanija oħra spjegat li ladarba għad m’hemmx ftehim, se tkun qed topera bl-istess mod bħas-sena ta’ qabel.  Żiedet tgħid li jekk hu minnu li qed jingħad, li kull kowċ se tagħmel vjaġġ wieħed biss, allura m’hawnx biżżejjed kowċis. Saħqet li għadd ta’ ġenituri għamlu kuntatt magħha biex jifhmu eżatt kif se tkun qed taħdem l-iskema u jekk hux se tibda topera mill-bidu tas-sena skolastika.

Il-kelliem għat-tielet kumpanija li toffri servizz tat-trasport għall-iskejjel tal-knisja u indipendenti qal li għadhom qed jistennew mill-Gvern. Fakkru li l-Gvern kien ħabbar l-iskema iżda għadu mhux ċar min se jkun qed jħallas lil min, jekk hux il-ġenituri lill-kumpanija imbagħad jieħdu flushom lura mingħand il-Gvern, jew inkella hux il-Gvern lill-kumpanija li magħha japplikaw il-ġenituri.

Għadd ta’ ġenituri għamlu kuntatt ma’ Newsbook.com.mt jistaqsu dwar x’se jkun qed jiġri f’Settembru meta t-tfal jibdew l-iskola.

F’Marzu 2018, il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo kien qal fil-Parlament, li l-ispiża tal-Gvern biex jipprovdi trasport b’xejn lit-tfal fl-iskejjel kollha, tal-Gvern, tal-Knisja u privata, hi stmata li tlaħħaq l-€10 miljun fis-sena.  Hu kien qed iwieġeb għal numru ta’ mistoqsijiet parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Simon Busuttil.

Dakinhar, il-Ministru kien qal ukoll li hu stmat li bħalissa hemm madwar 12,000 student li jattendu l-iskejjel tal-Gvern li jużaw it-trasport b’xejn imħallas mill-Gvern.