“Trasport pubbliku b’xejn għal kulħadd sa 15-il sena oħra” – Muscat

Il-Prim Ministru u Kap tal-Partit Laburista Joseph Muscat qal li l-pjan fit-tul għall-immaniġġjar tat-trasport fil-pajjiż huwa li sa massimu ta’ 15-il sena oħra, it-trasport pubbliku jiġi b’xejn għal kulħadd.

Dan qalu waqt li kien qed jindirizza laqgħa bit-tema Malta ta’ Għada quddiem il-kumpless tal-One. Irrimarka kif il-maġġoranza tat-tfal tal-iskejjel tal-Knisja u dawk indipendenti issa qed jibbenefikaw minn sistema ta’ trasport għall-iskejjel b’xejn.

 “L-iktar ħaġa li inkwetatni din is-sena kien li għola l-ħobż” – Muscat

Muscat sostna li waħda mill-affarijiet li inkwetatu din is-sena kien li għola l-prezz tal-ħobż. Sostna li jekk għal ħafna ftit ċenteżmi ma jagħmlux differenza, għal bosta familji żgħar dawn il-ftit ċenteżmi ta’ kuljum jagħmlu differenza kbira.

Muscat irrimarka li għal dawk kollha li ddieħku għax iċ-ċekk tar-rifużjoni tat-taxxa kien bejn €40 u €60 u forsi rawh ftit, għal bosta familji dan se jkun ta’ għajnuna kbira. Irrimarka li dan iċ-ċekk jgħin lil dawn il-familji biex tal-inqas ikopru l-ispejjeż żejda li se jidħlu fihom mill-prezz aktar għoli tal-ħobż. Sostna li dan huwa suq ħieles u l-Gvern kull ma jista’ jagħmel iwissi lill-furnara biex ma jgħollux il-prezzijiet.

“58 immigrant u kelb abbord l-Aquarius jidħlu Malta llum”

Dr Muscat insista li waħda mill-kwistjonijiet il-kbar li pprova jikkumbatti l-Gvern kienet il-problema tal-immigrazzjoni u sostna li Malta wriet li kienet xempju tas-soluzzjonijiet u mhux tal-problemi. Semma kif illum saru l-preparamenti biex jiddaħħlu Malta t-58 immigrant u kelb abbrod l-Aquarius li għall-aħħar ħamest ijiem kien qed isalpa viċin l-ibħra territorjali Maltin jistenna lill-Forzi Armati ta’ Malta jittrasferixxu lill-immigranti. Irrimarka li mal-wasla tagħhom f’Malta, it-58 persuna se jitqassmu bejn erba’ pajjiżi fl-Unjoni Ewropea u ħadd minnhom mhu se jibqa’ Malta.

Fakkar kif fis-snin 70, kien ukoll il-Gvern Laburista taħt it-tmexxija tal-Perit Duminku Mintoff li mal-għajta tan-Nazzjonijiet Magħquda għal refuġju temporanju għal grupp ta’ persuni li tkeċċew mill-villaġġ tagħhom fl-Afrika, għażel li Malta tkun il-post ta’ refuġju.

“Is-sena d-dieħla se nirranġaw 128 triq oħra”

Il-Prim Ministru sostna li kulħadd jista’ jara kif l-infrastruttura ta’ Malta qed tinbidel mil-lejl għan-nhar. Irrimarka li s-sena d-dieħla se jkunu qed jitranġaw 128 triq oħra u jibqgħu jitranġaw aktar toroq fis-snin ta’ wara. Intant faħħar il-mod kif ix-xogħol qed isir matul il-lejl sabiex joħloq l-inqas inkonvenjent għall-poplu Malti fl-agħar ħinijiet tat-traffiku.