Trasport pubbliku bla ħlas lill-parteċipanti tal-Presidents’ Fun Run

Il-Malta Public Transport se tipprovdi trasport bla ħlas lill-parteċipanti li se jieħdu sehem fil-President’s Solidarity Fun Run.
Il-passiġġieri jistgħu jagħmlu użu mit-trasport pubbliku bla ħlas nhar il-Ħadd 15 ta’ Novembru bejn is-7 ta’ filgħodu u s-2 ta’ wara nofsinhar.
Il-parteċipanti jistgħu jingħaqdu fil-Fun Run f’wieħed mill-erba’ postijiet tat-tluq li jinkludu t-Telgħa tas-Saqqajja fir-Rabat, għal dawk li jridu jiġru u Santa Venera, l-Università ta’ Malta u l-Pjazza ta’ Raħal Ġdida għal dawk li jridu jimxu.
Sabiex jibbenefikaw minn din l-offerta, il-passiġġieri jridu jippreżentaw il-biljett l-aħmar tat-trasport.
Dawn il-biljetti jistgħu jinkisbu għal 50 ċenteżmu mill-fergħat tal-bank Banif, il-banek tal-lottu, il-Palazz ta’ San Anton jew mill-Palazz fil-Belt Valletta.
Id-dħul minn dawn il-biljetti se jmur kollu għall-Malta Community Chest Fund, li qed jorganizzaw il-Presidents’ Fun Run.
Se jingħata t-shirt kommemorattiv u ċertifikat lill-parteċipanti kollha mal-wasla tagħhom fi Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit uffiċjali www.fun.org.mt jew mill-Malta Public Transport fuq in-numru 21222000.