Trasport għall-iskejjel kollha; ġenituri jiffrankaw €700 fis-sena

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni llum ħabbar uffiċjalment il-qbil bejnu u bejn 18-il operatur tat-trasport għal trasport b’xejn mis-sena skolastika li jmiss, ftehim li hu mistenni jiffranka €700 fis-sena lill-ġenituri.

Aktar kmieni din is-sena, il-Ministru kien qal li l-ġenituri mistennija jiffrankaw €500 fis-sena għal kull wild.

Dan il-ftehim għal ħames snin hu maqsum fi tnejn: dak għal skejjel statali u dak għal dawk privati u tal-Knisja għandu jġorr 42,000 tifel u tifla. Dr Frank Fabri, is-Segretarju Permanenti għall-Edukazzjoni qal li fis-settur statali bħalissa jinġarru 12,300 tifel u tifla, u hi mistennija żieda gradwali ta’ 4000 student ieħor magħhom. Fis-settur non-statali jinġarru madwar 11,300 tifel u tifla, bil-possibbiltà ta’ żieda gradwali ta’ 10,000 student ieħor magħhom.

Dr Fabri tkellem fuq kif il-proċess ilu li beda minn Ottubru tal-2017, u inkluda riċerka, il-pubblikazzjoni ta’ White Paper u konsultazzjoni pubblika. Dan il-ftehim ikkonsista f’85 laqgħa.

S’issa, il-qbil għall-iskejjel statali sar ma’ tmien operaturi, uħud li diġà kienu joperaw imma wħud ġodda. Il-Gvern qed jintrabat għall-ewwel darba ma’ 18-il operatur ieħor li se joffru s-servizz tagħhom lit-tfal li jattendu skejjel tal-Knisja u skejjel privati, u hemm 10 garaxxijiet oħra li wrew interess. Dr Fabri fakkar li s-sejħa għadha miftuħa u min hu interessat hu mitlub iżur is-sit www.schooltransport.edu.mt minn nhar it-Tnejn li ġej. Il-lista ta’ operaturi għandha tibda tidher fuq dan is-sit.

Xufiera mħassba

F’kummenti li ħa Newsbook.com.mt mingħand xufier tat-trasport, hemm lok fejn il-qbil jitjieb favur ix-xufiera. Ix-xufier semma kif bħalissa huwa jibda jitħallas minn xħin jiġbor l-ewwel studenti. Madankollu, dan mhux ġust, għax ma jkoprix l-ispejjeż u l-ħin tax-xufier mill-garaxx tiegħu sa mill-ewwel post ta’ ġbir.

App ta’ monitoraġġ tat-tfal

Waqt il-konferenza stampa, issemmiet ukoll l-app ġdida għall-ġenituri li se sservi ta’ sistema ta’ monitoraġġ ġdid bla ħlas. Kull darba li jitilgħu u jinżlu minn fuq it-trasport it-tfal, il-ġenituri jiġu notifikati dwarha.

Fil-5 ta’ Settembru, Newsbook.com.mt kkonferma li ġie ffirmat il-ftehim bejn il-Gvern u l-fornituri tat-trasport tal-iskejjel tal-Knisja u dawk privati sabiex it-tfal kollha madwar il-Gżejjer Maltin jibda jkollhom trasport pubbliku b’xejn.

“Il-problema tat-traffiku f’pajjiżna se titjieb b’mod prattiku” – PL

Fi stqarrija l-Partit Laburista sostna li minbarra li l-iskema se twassal għal dħul sinifikanti lill-eluf ta’ familji Maltin u żieda għall-operaturi, se jkun hawn ukoll titjib fil-problema tat-traffiku fil-pajjiż.

Il-PL irrimarka li hija ħasra li fl-aħħar ġimgħat, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista “ppruvat ixxekkel ukoll dan il-ftehim u tiżra’ inċertezza waqt li kienu għaddejin id-diskussjonijiet u n-negozjati.”