Trasport b’xejn minn u lejn Wied iż-Żurrieq

Ritratti: MTCP

Mill-4 ta‘ Lulju se jkun qiegħed jibda servizz ċirkolari minn u lejn Wied iż-Żurrieq permezz ta‘ żewġ karozzi tal-linja pprovduti mill-Awtorità tat-Turiżmu.

Dan il-proġett pilota tħabbar mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farugia Portelli waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-parkeġġ ta‘ Wied iż-Żurrieq. Hija spjegat li dan il-proġett se jkun bla ħlas u huwa ffinanzjat  mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu b’investiment ta‘ €162,000.

Il-Ministru qalet li b’dan is-servizz se tkun indirizzata l-problema ta’ parkeġġ f’Wied iż-Żurrieq, li ħafna drabi jaqta’ qalb ħafna persuni li jkunu jixtiequ jżuru dan il-Wied fin-Nofsinhar ta’ Malta. Żiedet li dan ġie kkonfermat minn stħarriġ tal-opinjoni pubblika kkummissjonat mill-Ministeru għat-Turiżmu li wera li kważi 60% ta’ dawk li ġew intervistati sostnew li jsibu problema ta’ parkeġġ meta jinżlu Wied iż-Żurrieq. 36% argumentaw li jitilqu lura kif ma jsibux fejn jipparkjaw. Kważi 50% urew ix-xewqa li lesti jużaw servizz ta’ trasport mill-akwati tal-madwar minflok il-vettura tagħhom.

Dan is-servizz ta’ trasport ċirkulari se jdur mal-eqreb żewġt irħula għal Wied iż-Żurrieq filwaqt li jiġbor dawk li jipparkjaw fit-triq wiesgħa tal-eks Mitjar tal-Qrendi, li twassal għas-Siġġiewi.

Il-Ministru kompliet li Wied iż-Żurrieq huwa post uniku u attrazzjoni turistika popolari li żviluppa minn villaġġ żgħir tas-sajjieda. Fl-2018, żaru dan il-post turistiku 475,000 turist. Dan minbarra l-eluf ta’ Maltin li jinżlu f’dan il-post. Apparti l-attrazzjoni unika li hija l-Ħnejja (Blue Grotto), li tiġbed lejha eluf ta’ viżitaturi kull sena, numru ta’ nies jinżlu għal attivitajiet oħra bħall-għawm u s-sajd kif ukoll għar-ristoranti li jinsabu f’din iż-żona.

Is-servizz privat ipprovdut b’xejn mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu b’vetturi tal-Malta Public Transport, se jkun qed jaħdem kif ġej: żewġ xarabanks immarkati ‘Destinazzjoni Wied iż-Żurrieq’ se jiġbru passiġġieri minn San Niklaw/Il-Qasam qrib is-Siġġiewi u minn żewġ pjazez ewlenin: dik tal-Qrendi u ż-Żurrieq. F’San Niklaw inħolqu spazji ta’ parkeġġi għal min irid iħalli l-karozza hemm.

Is-servizz se jkun qed jingħata mill-Ħamis sal-Ħadd mill-10am sa 12am, bi frekwenza ta’ madwar 20 minuta.

Iċ-Chairperson tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Dr Gavin Gulia sostna li din hija prova oħra ta’ kif qed jittejjeb l-prodott turistiku Malti. Huwa qal kif proġett bħal dan jagħmel tajjeb mhux biss għall-Maltin imma wkoll għat-turisti li jżuru dan il-post ta’ kull sena.