“Trasparenza dwar il-garanzija bankarja għall-power station” – PN

Il-Partit Nazzjonalista qed jinsisti li l-Gvern għandu jkun trasparenti fuq il-garanzija bankarja biex tkun tista’ tinbena l-power station il-ġdida f’Delimara.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Viċi Kap tal-partit Mario de Marco nsista li l-Gvern għandu minnufih jippubblika l-kuntratti kollha, b’mod speċjali l-ftehim dwar il-garanzija bankarja, il-power purchase agreement mal-Electrogas, il-ftehim mal-Electrogas dwar il-bini tal-power station u l-ftehim tax-xiri tal-impjant tal-BWSC mill-Gvern Ċiniż.
De Marco staqsa x’jiġri jekk il-Kummissjoni Ewropea ma tapprovax il-garanzija bankarja.
Claudio Grech staqsa x’wassal biex il-Gvern, għall-ewwel darba fl-istorja, jagħti garanzija bankarja lil konsorzju privat għal proġett li suppost kellu jkun iffinanzjat mill-privat.
Marthese Portelli sostniet li d-diskors ta’ Joseph Muscat u Konrad Mizzi, li l-power station hija on track huwa biss ħrafa.
Qalet li l-power station ma setgħetx tinbena li kieku ma ntervjeniex il-Gvern bi flus il-poplu.
Minn naħa tagħha, Kristy Debono qalet li l-garanzija bankarja kienet se tinżamm moħbija mill-Gvern u l-poplu sar jaf biss mill-midja indipendenti.

Reazzjoni Gvern
Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Enerġija qal li l-Oppożizzjoni reġgħet ikkonfermat li hija kontra r-roħs fil-kontijiet tal-enerġija għall-familji u n-negozju.
Il-Ministeru qal li l-Gvern informa lil Electrogas u l-banek li kien se jinforma formalment lill-Kummissjoni Ewropea bil-ftehim għall-sigurtà tal-provvista.
L-istqarrija tgħid li l-Gvern iddeċieda li jkun prudenti u li jimxi mal-proċess u għalhekk daħal f’diskussjoni mal-Kummissjoni Ewropea biex ikun hemm l-approvazzjoni tal-Kummissjoni u għalhekk ma jkunx hemm ksur tad-direttivi dwar l-għajnuna statali.