“Traskurat u żbaljat ir-rapport tal-Kummissarju dwar l-ibbuljar fl-iskejjel” – NGOs

Tmintax-il għaqda mhux governattiva ngħaqdet sabiex tgħid li l-kummenti tal-Kummissarju għall-Edukazzjoni Charles Caruana Carabez dwar l-ibbuljar fl-iskejjel huma kummenti traskurati u żbaljati, u li r-rakkomandazzjoni tiegħu għal skola internazzjonali għall-istudenti barranin f’Malta mhix ibbażata fuq prinċipji ġusti.

Dan wara rapport maħruġ mill-Kummissarju bħala parti mir-Rapport Annwali tal-2018 tal-Ombudsman Parlamentari. Fir-rapport, Caruana Carabez innota li fl-2018, fl-iskejjel ġew iffurmati klikek ta’ studenti barranin li jduru għall-istudenti Maltin u jibbuljawhom.

Aqra: Studenti barranin jiffurmaw klikek u jibbuljaw lill-Maltin – Il-Kummissarju għall-Edukazzjoni

L-NGOs qalu li s-sezzjoni introduttorja fir-rapport bl-isem An Unjustified Sense of Entitlement tirrappreżenta ħażin in-natura fundamentali tad-drittijiet umani. Skonthom, Caruana Carabez jagħmel argument għall-ekwità minflok għall-ugwaljanza, għax jgħid li nies b’diżabbiltà “jingħataw iżjed drittijiet.” Huma enfasizzaw li n-nies b’diżabbiltà huma intitolati għad-drittijiet kollha msemmija fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Magħquda għall-Persuni b’Diżabbiltà u anke fil-leġiżlatura nazzjonali. Qalu li jaħsbu li minħabba dan l-iżball fundamentali, ħafna mis-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissarju huma żbaljati.

Rigward is-sezzjoni dwar l-ibbuljar bl-involviment ta’ studenti barranin, l-NGOs qalu li din is-sezzjoni tirrifletti l-osservazzjonijiet tagħhom stess li t-tranżizzjoni għall-klassi multikulturali hija waħda mimlija tensjoni. Filwaqt li qalu li l-isfidi li jaffaċċjaw l-istudenti u l-edukaturi ma jistgħux jiġu injorati, innutaw li l-analiżi tal-Kummissarju tagħti biss naħa waħda tal-istorja, mingħajr ma tqis l-evidenza dejjem tikber tal-esperjenzi tal-minoritajiet etniċi u l-immigranti fl-iskejjel. L-NGOs urew it-tħassib tagħhom li l-evalwazzjoni ta’ Caruana Carabez tidher li hi bbażata fi sterjotipi kulturali li mhumiex riflessjoni tal-kumplessità tal-kuntest.

Apparti dan, innutaw li l-Kummissarju injora l-benefiċċji ta’ klassi plurikulturali u plurilingwi, għax qalu li l-Kummissarju donnu qed jadvoka għas-separazzjoni u s-segregazzjoni.

Żiedu jgħidu li billi l-Kummissarju qal li dawn l-aspetti ġodda ta’ bbuljar ma setgħux jiġu previsti, huwa injora l-policy tal-2014, Policy Nazzjonali li Tindirizza l-Imġiba tal-Ibbuljar fl-Iskejjel, li tikklassifika lit-tfal immigranti u tfal bi sfond etniku bħala vulnerabbli u aktar suxxettibbli għall-ibbuljar. B’dispjaċir qalu li l-Kummissarju għall-Edukazzjoni mhux jassessja jekk din il-policy hijiex tilħaq il-miri tagħha.

L-NGOs ikkonkludew billi staqsew għaliex ir-rapport ma jsemmix id-dritt uman fundamentali għall-edukazzjoni, u d-drittijiet bażiċi tal-ġustizzja u l-ekwità. Temmew jgħidu li l-irwol tal-Kummissarju għall-Edukazzjoni suppost hu li jsaħħaħ lill-istudenti billi jipprovdi għodod kontra l-amministrazzjoni ħażina, id-diskriminazzjoni jew l-abbuż tal-poter. Skonthom, huwa l-irwol ewlieni tal-Kummissarju li jtejjeb is-servizzi edukazzjonali għall-membri kollha tal-komunità, b’mod speċjali għall-vulnerabbli u dawk marġinalizzati.

Huma ssuġġerew lill-Uffiċċju tal-Ombudsman u lill-Parlament biex ma jiħdux nota tas-sejbiet u tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissarju, peress li huma ma jqisuhomx f’lokhom. Temmew l-istqarrija tagħhom billi qalu li t-tfal u l-istudenti jixirqilhom aħjar.

L-NGOs huma l-Fondazzjoni aditus, l-Assoċjazzjoni tal-Midja Afrikana, Catholic Voices Malta, The Critical Institute, l-Uffiċċju tad-Dekan tal-Fakultà tal-Edukazzjoni u tal-Fakutà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà, id-Dipartiment tal-Istudji tal-Ġeneru fl-Università ta’ Malta, il-Fondazzjoni għax-Xelter u s-Sapport lill-Immigranti, il-Fondazzjoni Integra, Isles of the Left is-Servizz għar-Refuġjati tal-Ġiżwiti, Kopin, il-Kummissjoni Maltija għall-Emigranti, Moviment Graffitti, The People for Change Foundation, il-Fondazzjoni Richmond, Right 2 Smile, Solidarity with Migrants Group, Spark 15.