Traskuraġni fis-sewqan swieh €45,000

Il-Qorti kkundannat raġel iħallas €45,000 f’danni lil sewwieq ta’ mutur, wara li minħabba nuqqas ta’ attenzjoni waqt is-sewqan, ikkaġunalu diżabbiltà parzjali iżda permanenti f’ġismu.
L-inċident seħħ f’Novembru tal-2013, meta s-sewwieq tal-mutur kien qiegħed bil-vettura tiegħu fl-inħawi tas-Swieqi, u ntlaqat mill-karozza ta’ raġel ieħor.
L-impatt kien tant qawwi li l-mutur spiċċa fuq in-naħa l-oħra tat-triq, filwaqt li s-sewwieq tar għal fuq il-bonnett.
B’kawża tal-inċident, is-sewwieq tal-mutur, li llum għandu 37 sena, weġġa’ x-xewka ta’ dahru u baqa’ b’5% diżabbiltà.
Is-sewwieq tal-karozza ammetta li dakinhar baqa’ ħiereġ minn fuq stop sign u dlonk sab lill-mutur ma’ wiċċu.
Il-Qorti, b’hekk, sabitu ħati ta’ traskuraġni u negliġenza waqt is-sewqan, u li dawn il-fatturi biss kienu l-kawża tad-diżabbiltà tas-sewwieq tal-mutur. Immultatu €45,411.68c f’danni lis-sewwieq.