Traskrizzjonijiet jallegaw frodi minn uffiċjal fl-OPM

Read in English.

Fil-Qorti ġie ppreżentat dokument ta’ 94 paġna li jinkludi noti personali, kopji ta’ artikli u traskrizzjonijiet li fihom għadd ta’ Libjani jgħidu li xtraw il-visas tagħhom mingħand uffiċjal fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Id-dokument li jittratta l-allegazzjonijiet dwar il-bejgħ tal-visas għaż-żona Schengen mill-Konsul ta’ Malta fi Tripli u l-bejgħ tal-visas għal raġunijiet mediċi lil-Libjani, ġie ppreżentat minn Ivan Grech Mintoff mill-Alleanza Bidla.

Dan id-dokument huwa parti mill-kawża ċivili li hemm għaddejja fil-Qorti bejn il-Whistleblower ta’ dawn l-allegazzjonijiet u l-Ministru għas-Saħħa. Id-dokumenti flimkien ma’ filmat tpoġġew ukoll fuq is-sit tal-Alleanza Bidla.

Skont il-ftehim li jeżisti bejn Malta u l-Libja, il-visas mediċi suppost jinħarġu b’xejn. Madanakollu, skont it-transkrizzjonijiet, qed jiġi allegat li huma spiċċaw ħallsu għalihom. Id-dokument juri li jekk l-allegazzjonijiet jiġu ppruvati, allura madwar 88,000 viża għaż-żona Schengen inħarġu flimkien ma’ numru mhux magħruf ta’ viżas mediċi.

Grech Mintoff jgħid li ltaqa’ ma’ diversi xhieda li lesti li jixdhu iżda jibżgħu mir-reperkussjonijiet li jistgħu jbatu minnhom, bħal pereżempju li jirrivokawlhom il-viża f’Malta.

Fil-Qorti bħalissa għaddejjin il-proċeduri ta’ libell minn Neville Gafà, uffiċċjal fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, fil-konfront ta’ David Lindsay, l-editur tal-Malta Independent on Sunday minħabba artikli li dehru fuq is-suġġett.

Khaled Ben Nasan, Sirjan biċ-ċittadinanza Libjana u jgħix Malta qed jipprova jieħu lura €36,675 li allegatament Neville Gafa żammlu biex jinħarġu viżas mediċi li qatt ma nħarġu. Grech Mintoff jgħid ukoll li huwa ġie avviċinat minn membri li qalu li huma mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru li offrewlu kwalunkwe xogħol u saħansitra flus biex jagħlqulu ħalqu.Fid-dokument hemm imniżżel li hemm ħames Libjani ġodda li lesti li jixhdu fil-każ. Skont l-istess document jidher il-pulizija għadha ma kkuntattjatx lil dawn il-persuni minkejja dak allegat fuqhom. L-iskandlu tal-viżas kien ġie żvelat mill-ġurnal The Times of Malta.

Ir-rapport preżentat fil-Qorti