Trasferiment Sptarijiet: Proċess dubjuż; minn wara dahar il-Kabinett – Awditur

Aġġornat 07:33 PM
Sptar Karin Grech - coronavirus

Read in English.

F’rapport kritiku għall-aħħar dwar it-trasferiment tat-tliet sptarijiet lill-Vitals Global Healthcare (VGH), l-Awditur Ġenerali jindika li l-proċess kien dubjuż, l-Vitals kellhom jiġu skwalifikati u kien hemm kollużjoni fil-ftehim.  L-Awditur jgħid ukoll  li ħadd attwalment assuma r-responsabbiltà għal din id-deċiżjoni. 

L-Awditur Ġenerali stqarr li l-VGH kellha tiġi skwalifikata mill-proċess ta’ għażla għat-trasferiment tal-isptarijiet San Luqa, Karin Grech u dak ta’ Għawdex wara li fl-investigazzjoni ma ġiex iċċarat it-tħassib li kien hemm ftehim minn qabel bejn il-Gvern u l-VGH.

Fir-rapport, l-Awditur jgħid li l-evidenza tindika azzjoni kollużiva bejn partijiet li aġixxew f’isem il-Gvern mal-investituri ta’ VGH, li tagħmel il-proċess kollu dubjuż

L-Awditur jgħid li l-koinċidenza li teżisti bejn dan il-ftehim u l-konċessjoni kienet evidenti u ħolqot dubju u tħassib kbir dwar l-integrità tal-konċessjoni eventwali. Dan it-tħassib tal-NAO jiżdied fid-dawl tan-nuqqas min-naħa tal-Gvern li jipprovdi lil dan l-Uffiċċju kopja tal-ftehim

L-Awditur jgħid li hi ta’ tħassib  ittra maħruġa mill-Bank of India li tissanzjona l-finanzjament imressaq mill-VGH datata 13 ta’ Marzu 2015, jiġifieri, ferm qabel il-pubblikazzjoni tal-RfP fis-27 ta’ Marzu 2015.

Evidenza li VGH kellha għarfien minn qabel dwar il-proġett

L-NAO qies dan id-dokument bħala evidenza definita tal-għarfien minn qabel ta’ VGH dwar il-proġett ippjanat u prova tal-kollużjoni mal-Gvern jew mar-rappreżentanti tiegħu.

L-NAO jgħid li l-offerta kienet essenzjalment b’saħħitha fil-forma iżda nieqsa fis-sustanza. Tant hu hekk li l-esperjenza kummerċjali kkwotata minn VGH ma kinitx attribwibbli lilha, iżda lill-kumpanija Oxley Group jew lill-imsieħba strateġiċi tagħha u din l-esperjenza kienet marbuta l-aktar ma’ trusts u fondi ta’ investiment fi proprjetà immobbli, il-ġestjoni tal-assi u finanzjament. 

Fadal żewġ rapporti oħra – dwar il-kuntratt u t-trasferiment lejn Steward

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) ġie mitlub mill-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi biex jivverifika l-konċessjoni mogħtija mill-Gvern lil VGH Ltd b’rabta mal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, l-Isptar San Luqa u l-Isptar ta’ Rijabilitazzjoni Karin Grech.

Dan ir-rapport hu wieħed minn tlieta li saru mill-NAO u jiffoka fuq il-proċess ta’ akkwist li wassal għall-għotja tal-konċessjoni lill-VGH. Il-kuntratti u t-trasferiment lil Steward Health Care mingħand Vitals ġew indirizzati f’żewġ partijiet oħra.

Il-Ministru tal-Finanzi mhux ikkonsultat, l-ebda awtorizzazzjoni tal-Kabinett

Fir-rapport, l-NAO jgħid li ġew innotati nuqqasijiet sinifikanti fil-proċessi fost dawn hemm li d-diviżjoni tas-Saħħa fil-Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa (MEH) ma kinitx involuta kif wieħed kien jistenna, bid-diviżjoni tal-Enerġija tmexxi l-proċess minflokha.

Il-Ministeru għall-Finanzi ma ġiex ikkonsultat rigward l-iżburżar li kellu jirriżulta mill-konċessjoni, filwaqt li bl-istess mod l-awtorizzazzjoni tal-Kabinett ma kinitx mitluba qabel il-ħruġ tal-RfP (Request for Proposal). L-NAO jgħid li ta’ tħassib akbar f’termini ta’ governanza kien li l-ebda awtorizzazzjoni ministerjali ma kienet mitluba jew provduta b’rabta ma’ din il-konċessjoni, li tirriżulta f’xenarju anomalu fejn tliet sptarijiet pubbliċi ngħataw biex jiġu operati minn terzi mingħajr ma ħadd attwalment assuma r-responsabbiltà għal din id-deċiżjoni. 

Rapport tal-Kumitat tal-Evalwazzjoni jikkopja mill-offerta ta’ Vitals

L-evalwazzjoni tal-Kumitat ta’ Evalwazzjoni għall-offerta ta’ Vitals kienet nieqsa minn analiżi kritika, b’diversi partijiet tar-rapport ta’ evalwazzjoni sempliċiment ripetizzjoni tal-offerta sottomessa mill-istess VGH. Dan l-Uffiċċju huwa tal-fehma li d-diliġenza dovuta mwettqa mill-Gvern biex tivverifika kwistjonijiet relatati ma’ VGH fil-kapaċità tagħha u fir-relazzjoni miegħu bħala l-offerent ippreferut għat-tmexxija tal-isptarijiet pubbliċi ma kinitx adegwata. 

L-istudju tal-fattibiltà (feasibility), li kellu jistabbilixxi l-bażi għad-deċiżjoni tal-Gvern li jagħti l-isptarijiet, kien nieqes minn kwalunkwe forma ta’ analiżi indipendenti jew ħsieb kritiku. Barra minn hekk, ġew innutati diversi nuqqasijiet fid-disinn tal-RfP, li l-iktar sinifikanti minnhom kienet is-suġġettività tal-kriterji ta’ evalwazzjoni u t-terminu stabbilit għall-konċessjoni li kellu jiġi stabbilit abbażi ta’ analiżi u mhux b’mod arbitrarju. 

Ir-responsabbiltà nrefgħet meta ntalab jirriżenja Konrad Mizzi – Il-Gvern

Il-Gvern ħareġ stqarrija li fiha qal li waqt li jieħu nota tar-rapport tal-NAO, isostni li r-responsabbiltà politika marbuta ma’ din il-konċessjoni diġà ntrefgħet bit-talba għar-riżenja u bit-tkeċċija eventwali tal-ministru li kien responsabbli minn dan il-proġett.

L-istqarrija tissokta tgħid li, “Il-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela se jkun qiegħed jassigura li fi proċessi ta’ kompetizzjoni tal-futur, nuqqasijiet li tkellem dwarhom l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali ma jerġgħux jirrepetu ruħhom. Dan fl-ispirtu tar-riformi importanti li qiegħda twettaq din l-amministrazzjoni fil-qasam tal-governanza t-tajba.”