Transport Malta tikklampja karozzi bi pjanċi barranin

Matul tmiem il-ġimgħa, Transport Malta ikklampjat numru ta’ karozzi irregolari bi pjanċi barranin.
Fi stqarrija Transport Malta qalet li minkejja numru ta’ spezzjonijiet mill-uffiċjali tagħha u tal-Pulizija fuq karozzi bi pjanċi barranin, numru t'individwi baqgħu jabbużaw is-sistema u saqu karozzi li qegħdin fit-toroq illegalment.
Tenniet li se tagħmel spezzjonijiet għal għarrieda fuq karozzi bi pjanċi barranin  u se tibqa’ ssegwi r-rapporti biex jitnaqqas l-abbuż.  
L-uffiċjali ta’ Transport Malta se jikklampjaw dawn il-karozzi li jkunu f’Malta b’mod irregolari u se jwaħħlu karta bl-informazzjoni mal-karozza.
Is-sid jista’ jċempel għal uffiċjal li jiġi jneħħi l-klamp wara li jħallas €180. Jekk is-sid ma jitlobx li titneħħa l-klamp, l-uffiċjali jirmunkaw il-karozza u s-sid jeħel penali addizzjonali.
Karozza bi pjanċi barranin tista’ tinstaq biss minn individwu mhux residenti Malta u tista’ tinstaq f’pajjiżna għal perjodu massimu ta’ 7 xhur fi żmien 12-il xahar.