L-impjegati ta’ Transport Malta ma rċivewx il-payslip

Is-sistema tal-IT għadha mhix tiffunzjona tajjeb wara s-cyber attack fuq Transport Malta

Read in English.

Wara li Transport Malta ċaħdet li l-pagi nħadmu manwalment minħabba s-cyber attack ta’ xhur ilu, sorsi fl-awtorità qalu lil Newsbook.com.mt li għad iridu jirċievu l-paga tagħhom għas-sigħat maħduma f’Ottubru.

Newsbook.com.mt huwa infurmat li s-sistema tal-IT għadha mhix tiffunzjona tajjeb wara s-cyber attack fuq Transport Malta.

Sorsi spjegaw li Transport Malta qalet lill-impjegati tagħha biex jiċċekkjaw il-kont bankarju tagħhom biex jaraw is-salarju ta’ Ottubru. Dan kien ifisser li l-impjegati kellhom jaħdmu l-pagi huma stess biex jaraw kemm tnaqqas f’taxxi u fis-sigurtà soċjali. Is-sors innota li dan ma setax jagħti stampa ċara tas-sitwazzjoni billi s-sigħat kultant ivarjaw.

L-impjegati ġew infurmati li l-payslip se tintbagħat ladarba jkunu disponibbli.

Sors irrimarka li l-informazzjoni kollha li kienet maħżuna fuq is-servers ta’ Transport Malta kienet intilfet wara s-cyber attack, u żied jgħid li l-impjegati ma setgħux jaċċessaw proġetti tal-passat.

Transport Malta tiċħad li qed taħdem il-pagi manwalment

Transport Malta qed tiċħad li cyber attack riċenti ġiegħla taħdem il-payroll manwalment f’kummenti li għamlet lil Newsbook.com.mt.

In-newsroom staqsiet jekk dan l-attakk ikkompromettiex – jew anke ħassar – id-data relatata.

Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi kien ippublika email li l-ħaddiema irċevew fuq il-miżuri li kellhom jittieħdi. F’din l-email, il-ħaddiema ġew mistoqsija jagħtu kopja tal-payslip ta’ Settembru, u infurmati li filwaqt li pagi, allowances u sahra se jiġu mħallsa f’Ottubru, taxxa ta’ 15% biss kienet se tiġi kkalkulata.

Azzopardi kkonkluda li din l-email uriet li l-awtorità ma kinitx indunat bis-cyber attack għal xhur sħaħ.

Min-naħa tagħha, TM ikkwotat l-inkjesta maġisterjali li għadha għaddejja meta rrifjutat li tispeċifika jekk data rrelatata mal-akkwist ġietx affettwata mis-cyber attack.

Sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li din id-data tħassret, u li s-sistemi ta’ TM ġew kompromessi tant li l-payroll kellha tinħadem manwalment.

Minħabba it-tħassir ta’ data fuq l-akkwist, skont is-sorsi, qed isir ħlas mingħajr id-dokumentazzjoni neċessarja, u l-awditjar ta’ dan il-ħlas sar prattikament impossibli.

F’risposta għal mistoqsija parlamentari, il-Ministru għat-Trasport Ian Borg qal li ġie infurmat bis-cyber attack fis-27 ta’ Settembru.