Transport Malta tħabbar regoli ġodda għall-VRT

Minn għada jistgħu jerġgħu jibdew isiru t-testijiet tal-VRT, peress li għada Malta se tibda tillaxka l-miżuri meħudin minħabba l-imxija tal-coronavirus, iżda Transport Malta qed timplimenta xi regoli ġodda.

Fi stqarrija, Transport Malta qalet li b’hekk kull min skadietlu l-liċenzja tal-vettura wara Marzu u April ta’ din is-sena, u kellu bżonn il-VRT, issa jista’ jagħmlu.

Biex il-proċess isir b’kawtela u ma jkunx hemm iffullar, l-Awtorità għat-Trasport ta’ Malta qed tagħti perjodu ta’ tliet xhur ċans biex isir it-test u wara titħallas il-licenzja tat-triq tal-vettura għand wieħed mill-aġenti tal-assikurazzjoni rispettivi. Il-perjodu ta’ tliet xhur jibda minn għada u jispiċċa fil-31 ta’ Lulju 2020.

Dan ifisser li wara l-1 ta’ Awwissu, mhux se jkun permess li tinstaq vettura fit-triq bil-liċenzja skaduta.

Skont ir-regolament maħruġ minn Prof. Charmaine Gauci, kull persuna li se tmur biex tittestja l-vettura tagħha, hija mitluba li tnaddaf sew il-vettura tagħha kemm minn ġewwa kif ukoll minn barra. Il-persuna inkarigata mit-test għandha d-dritt tirrifjuta li teżamina l-vettura jekk l-indafa tal-karozza ma tilħaqx il-livell meħtieġ.

Apparti t-testijiet tal-VRT, għada se jinfetħu għadd ta’ ħwienet u stabbilimenti kummerċjali biex Malta terġa’ tibda tirkupra mill-miżura li ttieħdet bi prekawzjoni biex jingħalqu l-ħwienet. L-ewwel ħwienet li se jiftħu se jkunu dawk tal-ħwejjeġ, taż-żraben u tal-basktijiet, tal-fwejjaħ, tan-nuċċalijiet, fost l-oħrajn.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn