Transport Malta tgħid li t-tibdil fl-X1 jista’ jtawwal il-vjaġġ

Fil-bdil li sar fir-rotot tat-trasport pubbliku, ir-rotta X1 tbiddlet ftit bil-konsegwenza li m’għadhiex daqshekk express.
Mill-20 ta’ Diċembru, l-X1 li miċ-Ċirkewwa tmur l-Ajruport, bdiet tgħaddi minn Triq Ġorġ Borg Olivier minflok mill-by-pass tal-Mellieħa, kif kienet tgħaddi s-soltu.
Studenti Għawdxin li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li l-ħin li tal-linja teħel fit-traffiku fiċ-ċentru tal-Mellieħa jtellifhom il-vapur. Qalu li qabel sar dan it-tibdil, l-X1 kienet tieqaf fl-interchange tal-Mellieħa iżda tkompli għaddejja mill-bypass biex fl-inqas ħin tasal iċ-Ċirkewwa.
Qalu wkoll li bit-tibdil, l-X1 mhux se tgħaddi iktar minn Mater Dei u għalhekk l-istudenti u oħrajn li jridu jżuru l-isptar Maer Dei ma jistgħux jagħmlu dan b’rotta express li tasal fl-inqas ħin u mingħajr dewmien.
Newsbook.com.mt bagħat diversi mistoqsijiet lil Transport Malta li min-naħa tagħha qalet li permezz ta’ dan it-tibdil, l-X1 ġiet imqassra bi 800 metru fil-Mellieħa iżda ammettiet li jista’ jkun hemm dewmien minħabba t-traffiku.
Dwar l-istejġ ta’ Mater Dei, l-uffiċjal ta’ Transport Malta qal li l-passiġġieri miċ-Ċirkewwa jistgħu jaqbdu r-rotta l-ġdida 250 li għaldaqstant mhix rotta express.
Transport Malta qalet ukoll li ma teskludix li tagħmel aktar aġġustamenti fil-futur iżda mhux fl-immeddjat.