Transport Malta tgħid li bir-rotot il-ġodda l-pubbliku qed jinqeda aħjar

Transport Malta qalet li bħalissa għaddejja b’fażi ta’ monitoraġġ fuq ir-rotot il-ġodda li ġew implimentati fit-22 ta’ Diċembru li għadda.
Matul is-sena li għaddiet, Transport Malta introduċiet 24 rotta ġdida, biddlet 43 rotta u żieded 80 bus stop.
Fi stqarrija Transport Malta qalet li waqt li għadu kmieni biex tasal għall-konklużjonijiet oġġettivi, s’issa jidher li l-maġġoranza ta’ dawk li jużaw is-servizz tal-karozza tal-linja, qed jinqdew aħjar.
Transport Malta qalet ukoll, li l-iktar ilmenti komuni li rċeviet kienu dwar żoni partikolari u dwar ir-rotta X1 fejn ammettiet li l-imsemmija rotta se jkollha bżonn tiġi emendata xi ftit u tiżdied ukoll il-frekwenza tagħha.
Fl-istqarrija Transport Malta qalet li hija kommessa li tkompli tindirizza l-kwistjonijiet imqanqla mill-Kunsilli Lokali u mill-pubbliku ġenerali. Issemma wkoll li sat-3 ta’ Jannar li għadda, peress li kien żmien il-festi tal-Milied, is-servizz kien wieħed riduttiv u li kien qed jopera skont l-iskeda ta’ nhar ta’ Sibt.
Is-servizz reġa’ ġie għan-normal min-nħar it-Tnejn li għadda.