Malta Public Transport se tagħti l-flus lura lill-istudenti Għawdxin

L-istudenti Għawdxin li jħallsu iktar mill-adulti meta jużaw it-tallinja card se jieħdu l-flus lura.  
Malta Public Transport wieġbet għal mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt dwar l-artiklu li dan is-sit ippubblika erbat’ ijiem ilu, u qalet li tikkonferma li l-istudenti Għawdxin qed iħallsu iktar u li ħadet il-passi neċessarji biex titranġa s-sitwazzjoni.
MPT spjegat li min għandu karta tal-identità f’Għawdex u jaqbeż l-ammont ta’ €10 fix-xahar fi vjaġġi f’Għawdex biss, se jingħata l-flus lura fl-aħħar ta’ dan ix-xahar b’mod awtomatiku fuq it-tallinja card stess.
Klijenti milquta minn din il-problema għalhekk m’għandhomx għalfejn japplikaw biex jieħdu l-flus lura.
Il-Malta Public Transport fakkar li qed tassigura l-aħjar kwalita’ possibbli fit-trasport pubbliku.