Transport Malta ordnata tħassar is-sejħa ta’ servizz bil-baħar

Read in English.

L-Awtorità tal-Gvern Transport Malta tilfet il-kawża miftuħa mill-Virtu Ferries quddiem il-Bord ta’ Reviżjoni dwar il-Kuntratti Pubbliċi (PCRB) hekk kif ġiet ordnata tħassar is-sejħa għal servizz bil-baħar bejn Malta u Għawdex. L-Awtorità tilfet il-kawża primarjament fuq l-esklussività tat-tender u anke minħabba dettalji tekniċi li kellhom isiru.

Mid-deċiżjoni tal-Bord joħroġ ċar li l-kawża ntrebħet abbażi ta’ dettalji tekniċi rikjesti minn direttivi Ewropej li Transport Malta naqset li tonora.

Fi stqarrija, il-kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex Chris Said stqarr li t-tgħaffiġ tal-Gvern dwar il-fast ferry qed ikompli għaddej. Fisser kif dan is-servizz ilu mwiegħed minn qabel l-elezzjoni tal-2013 u issa b’din id-deċiżjoni l-Gvern irid jerġa’ jibda kollox mill-bidu.

IT-TGHAFFIGA TAL-FAST FERRY TKOMPLI – INKOMPETENZA GRASSA.Illum Transport Malta tilfet l-appell li sar kontra taghha…

Posted by Chris Said on Tuesday, October 27, 2020

Fi stqarrija, Transport Malta qalet li qed “timpenja ruħha li taħdem fuq ir-rakkomandazzjonijiet li ta l-istess Bord, fosthom il-perjodu tal-konċessjoni ma jkunx iżjed minn 12-il sena u iżjed dettalji fuq rotot, skeda u dettalji tekniċi”.

Il-kawża kienet infetħet minn Virtu Ferries dwar is-servizz ta’ passiġġieri bil-baħar skedat minn u lejn numru ta’ destinazzjonijiet li jinkludu Għawdex, kif ukoll Marsaxlokk, Ta’ Xbiex, San Pawl il-Baħar, San Ġiljan u l-Belt Valletta.

L-Awtorità qalet li tinsab sodisfatta mill-fatt li l-PCRB ikkonferma, li tali servizz jagħmel sens ikun f’konċessjoni kummerċjali u mhux Public Service Obligation. B’dan il-mod, il-Gvern ma joħroġx sussidju lill-Operatur ġaladarba huwa kummerċjalment vijabbli.

Id-deċiżjoni tal-Bord tgħid ukoll kif m’hemm ebda ksur ta’ State Aid meta l-Awtorità tiżviluppa u tagħti l-infrastruttura sabiex minnha jaħdem l-Operatur li jirbaħ il-konċessjoni.