Btala tat-tidal lane: Ikompli l-inkonvenjent imma mhux ċar x’ġara

Wara li din il-ġimgħa Newsbook.com.mt irraporta li għax-xhur tas-sajf it-tidal lane ta’ Raħal Ġdid se tkun qed taħdem f’direzzjoni waħda, diversi qarrejja lmentaw li r-risposta li rċevew huma kienet differenti minn dik li rċieva dan is-sit.
Il-Ħamis, kelliem għal Transport Malta qal ma’ Newsbook.com.mt li minħabba li l-andament tat-traffiku jkun aktar kalm, anke għax l-iskejjel fil-viċin ikunu bil-btajjel, it-tidal lane se tkun qed taħdem biss fid-direzzjoni ta’ Raħal Ġdid.
Dan ifisser li l-ħin kollu, fi Vjal Sir Paul Boffa se jkun hemm żewġ karreġġjati ‘l fuq u tnejn ‘l isfel.
Iżda, diversi qarrejja reġgħu tkellmu ma’ Newsbook.com.mt għax ir-risposta li rċevew huma mingħand Transport Malta kienet differenti.
Fil-fatt, l-istess persuni bagħtulna t-tweġiba li rċevew huma mingħand Transport Malta li tikkonferma li t-tidal lane mhux se tkun qed tiffunzjona, imma r-raġuni hija ħsarat u mhux l-andament aktar kalm tat-traffiku.
F’waħda mit-tweġibiet, kelliem għal Transport Malta qal li qed issir tiswija fuq it-tidal lane bil-għan li din terġa’ tibda topera b’mod normali mill-aktar fis possibbli.
Intant, Newsbook.com.mt bagħat jistaqsi lil Transport Malta biex jiċċara eżatt għalfejn it-tidal lane mhux qed topera b’mod normali.