​“Transfer vendikattiv għax kandidat mal-PN” – Charlot Cassar, il-PN jesprimi solidarjetà

Il-Kandidat tal-Partit Nazzjonalista u kunsillier f’Marsaskala, Charlot Cassar qal li ngħata transfer vendikattiv ‘il barra minn Transport Malta minħabba l-kandidatura tiegħu mal-Partit Nazzjonalista u l-Forza Nazzjonali fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet.
Fi stqarrija, qal li kien kostrett jippreżenta protest ġudizzjarju kontra Transport Malta, fejn kellu r-rwol ta’ Senior Manager, wara li għall-ebda raġuni valida, qala’ transfer l-ewwel għall-Ministeru tal-Affarijiet Ewropew u l-Ugwaljanza u ftit jiem wara, lejn id-Dipartiment tas-Sajd.
Charlot Cassar sejjaħ ħrafa il-wegħda li ‘tista’ ma taqbilx magħna, imma tista’ taħdem magħna.’
Spjega li jemmen li jkun min ikun fil-Gvern, il-ħaddiema tas-settur pubbliku għandhom kollha jingħataw l-istess opportunità, irrelevanti liema partit politiku jappoġġjaw. Qal li “s-Settur Pubbliku qiegħed hemm biex ikun ta’ servizz lejn il-poplu kollu u m’għandux jintuża politikament biex isiru vendikazzjonijiet mal-ħaddiema mill-partit fil-poter.”
Il-kandidat tal-PN qal li dan it-transfer falla jekk sar biex hu jieqaf jikkritika lill-Gvern fejn ikun hemm bżonn, b’mod partikolari il-governanza u l-ambjent. Qal li jsaħħaħlu d-determinazzjoni biex jassigura li l-pajjiż ikun tal-poplu kollu u “mhux ta’ klikka korrotta li tipproca tagħlaq ħalq kulħadd.”
Il-PN jesprimi solidarjetà ma' Charlot Cassar
Min-naħa tiegħu l-PN qal li jesprimi s-solidarjetà tiegħu ma’ Charlot Cassar u ma’ kull min spiċċa vittma ta’ transfers vendikattivi mill-Gvern Laburista, b’mod partikolari għall-għexieren ta’ ħaddiema taċ-Ċivil li saret tpattija magħhom wara l-elezzjoni ġenerali.
Fi stqarrija, il-PN qal li dan l-għemil min-naħa tal-Gvern jikkonferma kemm il-wegħda tal-għaqda nazzjonali minn Joseph Muscat kienet biss gidba, għaliex filwaqt li quddiem il-kameras jgħid mod, minn wara dahar kulħadd, jara kif se jpattiha lil kull min jesponi l-oxxenitajiet ta’ korruzzjoni li twettaq il-klikka korrotta ta’ Kastilja. 
Temm jgħid li se jibqa’ jkun it-tarka tal-ħaddiema kollha, b’mod partikolari ta’ dawk li sfaw, qed jisfaw u se jisfwaw vittmi ta’ vendikazzjonijiet minn dan il-Gvern.