​Aġġornata: Trakk taż-żibel jaqbad għat-tieni darba f’sagħtejn; jidher li xi ħadd tefa’ kontenituri tal-metall b’materjal li jieħu n-nar

Trakk taż-żibel illum waranofsinhar f’Ħal Qormi qabad darbtejn f’sagħtejn.
Kien għall-ħabta tas-2.30pm meta qrib iċ-Ċentru Rużar Briffa, fi Triq il-Mitħna, beda ħiereġ duħħan minn trakk.
Membri tal-Protezzjoni Ċivili marru fuq il-post u d-duħħan ġie kkontrollat.
L-istess trakk tniżżel aktar ‘l isfel lejn il-wied u wara sagħtejn reġa’ deher duħħan ħiereġ minnu.
Mill-ġdid, membri tal-Protezzjoni Ċivili marru fuq il-post.
“Jidher li xi ħadd tefa’ kontenituri tal-metall li kien fihom materjal li jieħu n-nar malajr” – GreenPak Coop
F’reazzjoni, GreenPak Coop qal li t-trakk kien qed jagħmel xogħol ta’ ġbir ta’ metalli minn Bring-In Sites operati minn GreenPak.
Qal li jidher li xi persuna jew persuni irresponsabbli jew b’nuqqas ta’ ħsieb tefgħu kontenituri tal-metall li kien fihom materjal li jieħu n-nar malajr.
Kompla jgħid li dan l-inċident seta’ kellu konsegwenzi ferm akbar li kieku t-trakk laħaq wasal fil-faċilità tar-riċiklaġġ f’Sant’Antnin u l-materjal ħa n-nar hemmhekk.
GreenPak fakkar li mhux permess li jintremew oġġetti jew sustanzi perikolużi fil-bins tagħha hekk kif dawn għandhom jintużaw għal skart separat biss.
Ritratt: Arkivji