Trakk jaħsel highway bil-birra fl-Awstralja

Trakk mimli birra bdew jaqgħu minnu għexieren ta’ laned tal-birra f’waħda mill-aktar highways bieżla fl-Awstralja. Dan wassal sabiex parti mit-triq kellha tingħalaq għal xi ħin, skont il-Pulizija.

It-trakk kien jinsab fi triqtu minn Queensland għal New South Wales, madwar 300 kilometru fit-Tramuntana ta’ Sydney ilbieraħ. It-trailer kien mimli birra tat-tip Victoria Bitter.

Filwaqt li x-xufier ma ndarabx, wieħed ma jistax jgħid l-istess għal numru ta’ laned li spiċċaw infaqgħu u ħaslu l-highway bil-birra.

Il-karreġġjati li jagħtu lejn in-Nofsinhar tal-pajjiż kellhom jingħalqu għal siegħa u nofs, sakemm il-ħaddiema tal-emerġenza naddfu t-triq. Minkejja dan, karreġjata minnhom għamlet seba’ sigħat magħluqa.

Ix-xufier tat-trakk li għandu 24 sena ma nstabx li kien taħt l-effett tax-xorb jew droga. Il-Pulizija qed tissuspetta li l-inċident seħħ kawża ta’ għajja.

Il-Victoria Bitter hija klassifikata bħala waħda mill-aktar birer li tinbigħ fl-Awstralja. Filmati tal-inċident inxterdu fuq il-media soċjali.