Trakk isuq fuq il-folol waqt protesti qrib Minneapolis

Dimostranti jingħaqdu quddiem il-White House kontra l-qtil ta’ George Floyd waqt li kien fil-kustodja tal-pulizija ta’ Minneapolis, f’Washington D.C., U.S. 31 ta’ Mejju, 2020. REUTERS/Jonathan Ernst

Read in English.

Trakk saq għal fuq folla ta’ dimostranti  fi triq magħluqa viċin Minneapolis nhar il-Ħadd. Wara l-attentat, is-sewwieq inħareġ mill-kabina tat-trakk u ġie msawwat mid-dimostranti. Dan kollu seħħ hekk kif bliet ewlenin fl-Istati Uniti imponew curfews biex jippruvaw jipprevjenu li lejl ieħor ta’ dimostrazzjonijiet kontra l-vjolenza mill-pulizija jerġa’ jispiċċa f’attakki vjolenti.

Ħadd ma deher li ntlaqat mit-trakk waqt li dan saq għal fuq il-folla fuq il-karreġġjati ta’ Interstate 35, filwaqt li s-sewwieq paqpaq il-ħorn. Dak il-ħin it-triq kienet magħluqa għat-traffiku. 

Xhud mill-aġenzija Reuters qal li s-sewwieq tat-trakk inġibed ‘il barra mill-kabina tal-vettura u ġie msawwat mid-dimostranti qabel ma ttieħed fil-kustodja tal-pulizija ta’ Minneapolis. Ritratt ta’ Reuters juri lis-sewwieq mingħajr qmis u jgħatti wiċċu meta kien bilwieqfa ħdejn uffiċjal tal-pulizija. 

“Azzjonijiet tassew devastanti minn sewwieq ta’ trakk fuq l-awtostrada I-35W, li xewwex folla ta’ dimostranti paċifiċi,” qal id-Dipartiment għas-Sigurtà Pubblika ta’ Minneapolis fuq Twitter. “Is-sewwieq tat-trakk kien ferut u ttieħed l-isptar b’feriti li mhumiex fatali. Huwa ġie arrestat. Jidher li ħadd mid-dimostranti ma ntlaqat mit-trakk f’dan l-attentat.”

Dan l-inċident immarka l-aħħar mewġa ta’ vjolenza wara d-dimostrazzjonijiet paċifiċi li ġew organizzati oriġinarjament wara l-mewt ta’ George Floyd.

Floyd, raġel ta’ karnaġġjon skura li ma kienx armat, miet nhar it-Tnejn li għadda wara li uffiċjal tal-pulizija abjad niżel b’irkopptu fuq għonqu, att li qanqal rabja kbira li malajr infirxet madwar pajjiż li huwa maqsum minħabba raġunijiet politiċi u razzjali. 

Eluf ta’ nies qed jinżlu jipprotestaw fit-toroq wara ġimgħat sħaħ ta’ lockdowns minħabba l-pandemija tal-coronavirus li wasslet biex miljuni ta’ persuni jitilfu l-impjieg tagħhom u li laqtet b’mod aħrax lil ħafna komunitajiet li huma f’minorità.