Training camp ta’ Juventus Academy f’Malta

Read in English.

L-akkademja tat-tim Taljan Juventus tiinsab Malta għal kamp ta’ taħriġ.

Dan il-kamp ta’ taħriġ (training camp) kien mifrux fuq ħamest ijiem u l-għan tiegħu hu li jħarreġ it-tfal fit-teknika tal-futbol waqt li jagħmlu ħbieb ġodda u jkollhom esperjenza mill-viċin tat-taħriġ kif isir fil-kumpless tal-Juventus f’Turin. Dan tmexxa minn tim tekniku ta’ coaches barranin mill-Juventus Academy u bl-assistenza ta’ xi coaches lokali.

Kull coach ħa ħsieb massimu ta’ 15-il plejer b’total ta’ 120 tifel li l-età tagħhom tvarja bejn 5 u 17-il sena. Ittieħdu l-prekawzjonijiet kollha neċessarji bħat-temperatura u diżinfettar tal-apparat. Bejn is-sessjonijiet it-tfal kienu offruti ikel f’ambjent professjonali sportiv.

Dan l-avveniment kien possibbli grazzi għas-sapport mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu bl-għan li tinġieb il-brand Juventus f’Malta, filwaqt li ssir promozzjoni barra minn Malta u mal-Juventus stess li m’għandhom bżonn l-ebda introduzzjoni anke għall-fatt li għandhom miljuni kbar ta’ segwaċi. Dan huwa fost sensiela ta’ ftehim kummerċjali li l-awtorità diġà għandha ma’ brands u persuni oħra rinomati fil-kamp sportiv, inkluż dak li Malta hija attwalment id-destinazzjoni uffiċjali ta’ klabb ieħor rinomat, dak tal-Manchester United.

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli qalet li din hija esperjenza unika għat-tfal Maltin. Apparti minn hekk, dan huwa mod ta’ kif jissaħħaħ it-turiżmu sportiv f’pajjiżna bl-għan li jiġu parteċipanti u familji minn barra minn Malta apposta għal dan l-avveniment.

“Dan hu mod ieħor kif inkomplu nirreklamaw lil pajjiżna fuq livell internazzjonali f’ambjent mill-iżjed professjonali,” sostniet il-Ministru Farrugia Portelli.

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat Clifton Grima żar ukoll it-training camp, u saħaq dwar l-importanza ta’ investiment fit-tfal Maltin, bl-għan li jitħarrġu ma’ klabbs professjonisti grazzi għal opportunitajiet bħal dawn li jgħinu lit-tfal fiżikament, teknikament u mentalment. Żied jgħid li t-titjib u l-iżvilupp tal-faċiltajiet sportivi madwar Malta huwa imperattiv biex inkomplu nilqgħu entitajiet u professjonisti barranin.