​Trail Running League: Rebħa oħra għal Ryan Farrugia, l-ewwel għal Carmen Hili

Il-promontorju tal-Munxar, li jinsab fil-parti tan-nofsinhar ta’ Malta, ospita kważi 100 atleta tat-trail running li kienu qed jieħdu sehem fit-tielet tellieqa tal-Eurosport Trail Running League organizzat mill-Agones SFC.
Ir-rotta ta’ kważi 10km toffri xenarju tal-irdumijiet tal-Munxar, veduti mill-isbaħ ta’ St. Peter’s Pool u Delimara u l-park naturali ta' Xrobb l-Għaġin.  Ir-rotta offriet terren imħallat mimli blat, xagħri u trejqiet żgħar fil-kampanja.
Kien hemm taħlita tajba ta’ atleti: dawk bl-esperjenza fuq dan it-tip ta’ terren, li kienu qegħdin jimmiraw li jtejbu l-ħinijiet tagħhom u possibbilment jilħqu pożizzjoni mal-ewwel atleti, kif ukoll atletli ġodda li kienu se jesperjenzaw dan it-tip ta’ ġiri għall-ewwel darba.  
Jonathan Ebejer u Alan Curmi stabbilew il-pass kważi mill-bidu nett, iżda kif waslu mal-ewwel għolja,  Ryan Farrugia għaddiehom u żamm postu fuq quddiem biex  jiċċelebra t-tieni rebħa tiegħu ta’ din is-Serje. 
Farrugia, li reċentament rebaħ Serje ta’ tlielaq fi Sqallija, għandu l-aħjar ħin irreġistrat fuq din ir-rotta – 38 minuta u 18-il sekonda. Curmi u Ebejer segwew, biex jirreġistraw repetizzjoni tal-pjazzamenti li ġabu wara it-tellieqa li saret f’Birżebbuġia ftit ġimgħat ilu. Il-Klassifika Ġeneral bħalissa hija mmexxija minn Jonathan Ebejer, Ackerly Hili u Darius Goodwin.
“Il-varjetà tat-terren fuq din ir-rotta tagħmel din it-tellieqa pjuttost teknika, iżda l-parteċipazzjoni f'dan il-kampjonat tassew kiber u dan huwa pożittiv għall-ġejjieni tat-trail running f'Malta – Inħeġġeġ lill-atleti u dawk kollha li jħobbu l-kampjana biex jipparteċipaw. L-ambjent huwa pjaċevoli  ħafna u hija opportunità perfetta biex tesperjenza l-isport fin-natura "- Ryan Farrugia, rebbieħ tal-Kategorija tal-Irġiel.
Il-parteċipazzjoni femminili kompliet tikber. Bidu tajjeb minn Tara Abdilla u Danica Bonello Spiteri raw lil dan id-duo jersaq lejn possibilità ta’ rebħa oħra. Madankollu żball kmieni fir-rotta rathom, ma’ xi atletli oħra, jitilfu ħin prezzjuż u jżidu ftit kilometri mar-rotta. Minkejja li spiċċaw wara l-aħħar atletli, l-isforzi siewja tagħhom rawhom jersqu fuq quddiem biex jieħdu posthom fost l-ewwel 10 atleti nisa. Rebbieħa tat-tellieqa kienet l-atleta veteran Carmen Hili. Hili hija magħrufa sew fl-ambjent tar-road running, iżda din kienet l-ewwel rebħa tagħha fit-trail running. It-tieni post ġie meħud minn Dzintra Grech, segwita minn Isotta Rossoni. Minkejja ir-riżultat tal-ġurnata, Abdilla, Bonello Spiteri żammew posthom fl-ewwel żewġ postijiet tal-klassifika ġenerali. Magħhom ingħaqdet Dzintra Grech fit-tielet post.
It-tellieqa li jmiss tal-Eurosport Trail Running League se tkun dik tal-Victoria Lines. It-tellieqa taqsam il-wesgħa kollha ta’ Malta mill-Madliena għal Fomm ir-Riħ, u tikkonsisti f'19km. It-tellieqa se ssir nhar il-Ħadd 22 ta’ April. Ir-reġistrazzjoni hija miftuħa u tista' ssir fuq l-internet fuq www.agones-sfc.eu jew il-Eurosport f'Birkirkara nhar il-Ħamis 19 ta' April.
RIŻULTATI –  Munxar Race 3
1 Ryan Farrugia Carmen Hili
2 Alan Curmi Dzintra Grech
3 Jonathan Ebejer Isotta Rossoni
KLASSIFIKA ĠENERALI
1 Jonathan Ebejer Tara Abdilla
2 Ackerly Hili Danica Bonello Spiteri
  Darius Goodwin Dzintra Grech