Traġedja Żurrieq: Skoċċiż jgħid li l-awtoritajiet Maltin insew lill-vittmi

Ian Noel Pace

Simon Morrison, turist Skoċċiż li kien fuq id-double decker li ħabtet ġos-siġar fiż-Żurrieq f’April tal-2018 u ħalliet żewġ persuni mejta, qal li l-awtoritajiet nesew lill-vittmi tat-traġedja.

Dan ġie rrappurtat fuq il-ġurnal Skoċċiż The Daily Record.

Morrison li kellu 42 sena kien ittieħed lejn ir-Renju Unit b’ambulanza tal-ajru wara li ngħata l-kura intensiva. Huwa kien tpoġġa f’koma biex ikunu jistgħu jiħduh lura lejn pajjiżu, u dam erba’ ġimgħat f’koma. Fis-sajf tal-istess sena, ommu kienet qalet li binha tilef il-memorja b’kawża tal-inċident. Huwa kiser idu u kellu wkoll ġrieħi f’għajnu u f’rasu.

Żewġ turisti, Belġjan ta’ 62 sena u Spanjola ta’ 37 sena, tilfu ħajjithom fl-inċident. Madwar 50 persuna oħra ndarbu. Is-sena li għaddiet, l-eredi ta’ waħda mill-vittmi tal-inċident bdiet tfittex lill-operatur tad-double decker u lil Transport Malta għad-danni.

Morrison, li huwa eks kowċ tal-futbol, ilmenta dwar in-nuqqas t’aġġornamenti min-naħa tal-awtoritajiet Maltin fuq il-każ. Qal li hu frustranti li ma sema’ xejn mingħand il-Gvern, il-Pulizija jew il-Qorti Maltija. Stqarr li donnu li l-każ intesa mill-awtoritajiet Maltin.

Huwa qal li familtu kollha sofriet minħabba dan l-inċident. Huwa kien Malta flimkien ma’ oħtu, żewġha u ż-żewġ uliedhom. Ir-raġel t’oħtu, Michael Henderson, kellu ksur fl-għadam, ġrieħi f’rasu u tilef ftit mis-smigħ, filwaqt li oħtu, Suzanne Henderson, kellha ksur t’għadam u ta’ żewġt iswaba’.

L-inkjesta, immexxija mill-Maġistrat Monica Vella, bdiet f’April tal-2018 u għadha ma ntemmitx. Il-Korp tal-Pulizija qal li għadu qed jistenna r-riżultati mill-inkjesta sabiex ikun jista’ jressaq lil xi ħadd il-qorti.