Traġedja Żurrieq: Irrappurtat li x-xufier jinsab arrestat

Rapporti fil-midja lokali qed jgħidu li x-xufier tad-double-decker li kien involut fl-inċident fatali fiż-Żurrieq ilbieraħ qed jinżamm arrestat għall-interrogazzjoni.
Newsbook.com.mt tkellem mal-Pulizija, iżda ma setgħu jagħtu l-ebda dettalji minħabba li għaddejja l-inkjesta. Madanakollu dan is-sit intalab biex jibgħat il-mistoqsijiet bil-miktub.
L-inċident seħħ ilbieraħ għall-ħabta tal-4:15pm fi Triq Valletta. Id-double-decker kien misjuq minn raġel ta' 24 sena.
Erba’ persuni għadhom jissieltu għall-ħajjithom fit-Taqsima tal-Kura Intensiva (ITU) fl-Isptar Mater Dei.
L-għadd ta’ persuni li qed isofru minn ġrieħi gravi tela’ għal tlieta. Żewġ persuni qalbu għall-aħjar.
Kawża tal-inċident tilfu ħajjithom ukoll żewġ persuni, li llum se tkun qed issirilhom l-awtopsja.
Ritratt: Ian Noel Pace