Traġedja Żurrieq: “Il-liġi qiegħda hemm; ix-xufier ma segwihiex” – TM

Ian Noel Pace

L-Awtorità għat-Trasport f’Malta fetħet kontro-protest ġudizzjarju lil City Sightseeing Malta Limited fejn insistiet li l-liġi tas-sewqan qiegħda hemm u kienet in-negliġenza tax-xufier tad-double-decker li wasslet għat-taġedja fiż-Żurrieq.

L-inċident seħħ fid-9 t’April għall-ħabta tal-4:15pm fi Triq Valletta. Id-double-decker kien misjuq minn raġel ta’ 24 sena. L-inċident kien wassal għall-mewt ta’ żewġ persuni u wassal ukoll sabiex jiddaħħlu 50 persuna minn 14-il pajjiż differenti fl-isptar.

Fil-kontro-protest Transport Malta spjegat li dejjem tassigura li joħorġu regolamenti sabiex is-sewqan fit-toroq tal-pajjiż ikun wieħed effiċjenti u sigur. Sostniet li minkejja dan xorta jkun hemm persuni li jagħżlu li jsuqu b’mod negliġenti u b’nuqqas ta’ ħarsien tar-regolamenti tat-traffiku. Irrimarkat li dan kien eżattament x’ġara fid-9 ta’ April.

Il-kontro-protest isostni li Transport Malta dejjem imxiet b’mod strett fejn jidħol il-ħarsien tar-regoli tas-sigurtà fit-toroq u għaldaqstant tikkontesta bil-qawwa li l-inċident imsemmi b’xi mod kien attribwibbli għal xi nuqqas min-naħa tal-Awtorità, kif allega l-protest ġudizzjarju ta’ City Sightseeing Malta Limited li ġie ntavolat fil-31 ta’ Awwissu.

Transport Malta insistiet li l-allegazzjonijiet ta’ City Sightseeing Malta Limited huma skorretti għaliex sostniet li l-istess rotta ntużat bosta drabi kuljum mingħajr qatt ma seħħ inċident. Irrimarkat li l-istess xufier kien diġa għamel l-istess rotta aktar kmieni fl-istess jum. Sostniet li minn eżamijiet u verifiki li saru b’vetturi oħra fl-istess triq, l-unika mod kif vettura tat-tip setgħet tidħol f’inċident daqshekk fatali kien jekk ix-xufier jagħmel “manuvra perikoluża”.