Raġel li jikri d-dgħajjes lin-nies qal li jagħmel dan meta l-persuna jkollha liċenzja u qal li ma jikrix jetskis peress li jqishom bħala perikolużi ħafna. Qal li hemm bżonn aktar infurzar tal-liġijiet bil-konfiskar tal-opri tal-baħar ħalli l-operaturi jħossu l-effett fuq il-but tagħhom.
Daniele Baraggioli għandu 34 u huwa Taljan. Huwa s-sid ta’ Arkos Experience li toffri servizzi tal-kiri tad-dgħajjes self-drive jew b’kaptan. Huwa qal ma’ Newsbook.com.mt li dawra ta’ 15-il minuta b’jetski tiswa madwar €50. Normalment, tingħata spjegazzjoni qasira lil min ikun se jikri qabel ma jitlaq fuq il-baħar. Iddeskriva l-jetski bħala “missila”. Baraggioli qal li l-mod kif wieħed jibbilanċja ruħu fuq il-jetski huwa importanti ħafna u jekk il-piż jintefa’ b’mod ħażin dan jista’ jkun ta’ periklu. Qal li jetski tiżen madwar 100 kilo u jkollha 150 horse power.
Faċli tikri dgħajsa
Baraggioli tkellem dwar in-negozju tiegħu u spjega li huwa jagħti biss dgħajjes lil min ikollu liċenzja b’rispett għas-sigurtà tan-nies u b’rispett lejn id-dgħajjes tiegħu. Baraggioli qal li huwa faċli biex wieħed jikri dgħajsa. Dan jista’ jsir minn fuq bajja jew inkella anke onlajn. Jetskis normalment jinkrew dirett mill-bajjiet.
Jetskis qrib it-tfal
Qal li f’Bugibba hemm persuna li tikri l-jetskis lin-nies qrib ħafna ta’ fejn ikun hemm tfal żgħar jilagħbu. Qal li dawn jgħidu lill-klijenti tagħhom biex isuqu bil-mod, però l-klijenti ma jobdux u jagħfsu l-gass. Żied jgħid li l-ħaddiema jgħajtu għajta waħda imma mbagħad l-istorja tintemm hemm. Insista li negozju b’jetski huwa negozju sigur, sigur biex jidħlu fl-flus imma mhux għas-sigurtà tan-nies.
“Kif jista’ jkun li tikri jet ski lil xi ħadd li m’għandu l-ebda tip ta’ taħriġ bażiku?” staqsa Baraggioli. Madanakollu, spjega li dan huwa kollu legali. Baraggioli qal li l-Gvern irid jibda jerfa’ aktar responsabbilità. Issuġġerixxa wkoll tibdil fil-liġi biex ikun hemm età minima ta’ 24 sena biex tikri jetski jew dgħajsa.
Ħafna ostakli biex niftaħ in-negozju
Qal li meta ġie biex jiftaħ in-negozju tiegħu f’Malta sab ħafna ostakli. Qal li ma kienx hemm aġenziji tal-assigurazzjoni li riedu joffru insurance fuq id-dgħajjes self-drive li kellu. Qal ukoll li xtaq jibda jikri l-kayaks lin-nies. Qal li ma setax jirreġistrhom b’mod kummerċjali f’Malta peress li ma jkollhomx hull identification number. Spjega li l-kayak huwa sigur ħafna.
X’tgħid il-liġi?
Skont il-Liġi ta’ Malta, min jixtieq jikri dgħajsa żgħira jrid ikollu 18-il sena. Jekk min ikun se jikri ma jkollux liċenzja tal-baħar, irid jingħata struzzjonijiet tas-sigurtà.