Traġedja Immigranti: “Xena ta’ katavri mħaddna flimkien” – Simone D’Ippolito

Simone D’Ippolito li kien wieħed minn tal-ewwel li assista lill-immigranti li għerqu f’Lampesuda rrakkonta li kien hemm il-katavri kullimkien u mill-anqas ra mal-mitt katavru. Bid-dmugħ f’għajnejh, hu qal li l-aktar ħaġa li laqtitu u żgur li se tibqa’ f’moħħu kienet dawk il-katavri mgħanqa flimkien, filwaqt li żied jgħid li dan għax forsi ħadd ma jkun jixtieq li jmut waħdu.

L-aġenzija tal-aħbarijiet Kronos irrappurtat li kien għall-ħabta tas-sebgħa ta’ filgħodu meta Simone D’Ippolito ħareġ bid-dgħajsa taċ-ċentru tal-għaddasa biex imur ma’ grupp ta’ turisti, ftit mili ‘l bogħod minn Lampedusa meta ltaqa’ mal-lanċa ‘Gamar’ u l-immigranti qalulu li l-baħar kien mimli nies mejta.

D’Ippolito qal li reġa’ ħa lit-turisti fil-port u wara mar lejn is-sit tad-diżastru u pprova jara kienx hemm xi immigranti ħajjin. Madanakollu nstab li kollha kienu mejta u hemmhekk għen lill-gwardjani tal-kosta Taljana sabiex itellgħu l-katavri mill-baħar.