Traġedja immigranti: Tnejn arrestati fi Sqallija

Fi Sqallija ġew arrestati żewġ persuni b’rabta mal-każ tad-dgħajsa bl-immigranti irregolari li nqalbet bejn il-lejl tas-Sibt u l-Ħadd li għadda u li fiha mietu sa 950 persuna.
Il-kaptan Tuneżin flimkien mal-membru Sirjan tal-ekwipaġġ ġew arrestati fi Sqallija tard ilbieraħ filgħaxija.
Huma qed jiġu akkużati bil-qtil ta’ mijiet ta’ persuni u li ttraffikaw persuni.
Iż-żewġ arrestati kienu fost is-27 persuna li salvaw mill-għarqa.
Dawn l-arresti saru hekk kif ftit qabel, l-Unjoni Ewropea fasslet sensiela ta’ miżuri biex ittaffi l-kriżi tal-immigrazzjoni irregolari fil-Mediterran.
Fost il-miżuri proposti hemm dik li jkun hemm mandat li jeqred lid-dgħajjes li jintużaw mill-kriminali li jittraffikaw lill-immigranti.
Se tissaħħaħ ukoll il-missjoni ta’ sorveljar fil-baħar magħrufa bħala “Triton” flimkien ma’ programm ġdid ta’ ripatriazzjoni immedjata tal-immigranti.
Dawn huma biss uħud mill-proposti li se jiġu diskussi f’aktar dettall nhar il-Ħamis li ġej fis-summit straordinarju tal-mexxejja tal-Unjoni Ewropea.
Il-Kap tal-Politika Barranija tal-UE Federica Mogherini qalet li din il-proposta tinkludi 10 miżuri u għandha sservi biex tibgħat sinjal b’saħħtu tar-reazzjoni tal-UE quddiem dawn it-traġedji.
Qalet li dan juri sens ta’ urġenza u rieda politika. Fl-istess waqt spjegat li din hija azzjoni konkreta li turi solidarjetà u appoġġ fil-ġlieda konta t-traffikar ta’ persuni.
Mogherini rringrazzjat lil Malta u l-Italja għall-ħidma tagħhom ta’ salvataġġ.
Dawn il-proposti ġew elenkati wara laqgħa li saret ilbieraħ fil-Lussemburgu bejn il-Ministri tal-Affarijiet Barranin Ewropej.
Għaliha attendew fost l-oħrajn il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Malti George Vella u l-Ministru għall-Intern Carmelo Abela.
Din il-laqgħa nfetħet b’minuta silenzju biex jitfakkru l-vittmi tat-traġedji fil-Mediterran tal-jiem li għaddew.