“Tant kienet anzjuża fuq il-bini li kienet sejra għand psikologa” – bint Miriam Pace

Read in English.

Dalgħodu kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ erba’ persuni b’rabta mat-traġedja li ġrat fi Triq Joseph Abela Scolaro fil-Ħamrun f’Marzu li għadda, li fiha tilfet ħajjitha Miriam Pace, mara ta’ 54 sena, meta sfrundat il-binja tagħha waqt li kien għaddej xogħol ta’ kostruzzjoni.

Fis-seduta tal-lum xehdu Ivana Portelli, bint il-vittma, u uffiċjal tal-Pulizija mid-distrett tal-Ħamrun.

Illum Miriam tagħlaq erba’ xhur minn meta tilfet ħajjitha ħabta u sabta.

Xi spikka fil-qorti?

  • Miriam Pace qabditha anzjetà meta nbiegħ il-ġnien li jmiss mad-dar tagħhom
  • Tabib taha l-mediċina għall-anzjetà; kellha appuntament ma’ psikologa għal tmiem Marzu
  • Wieħed mill-akkużati jressaq talba li s-sit jiġi evalwat minn espert
09:55 Dak kien kollox għas-seduta tal-lum. Grazzi talli segwejtuna.
Sephora Francalanza
09:54 Il-Maġistrat Mifsud itemm jgħid li filwaqt li wieħed jinkwieta fuq il-vetturi u l-makkinarju, dan il-każ ħalla persuna mejta.
Sephora Francalanza
09:53 Dr Montalto jirreferi għall-applikazzjoni mressqa lill-Qorti fuq l-apparat tal-kostruzzjoni li tħalla fuq il-post, u jekk dan setax jitneħħa biex ma ssirx aktar ħsara lilu u lill-vetturi.
Sephora Francalanza
09:51 Il-Prosekuzzjoni tgħid li l-Perit Graham Attard li hu membru tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili diġà ta d-dettalji ta' x'ġara dakinhar tal-każ u fuq il-ħidma tas-CPD fuq il-post. Ir-rapport parti mill-inkjesta maġisterjali.
Sephora Francalanza
09:50 Fis-seduta li jmiss, se jixhdu żewġ uffiċjali tal-pulizija u żewġ ġirien.
Sephora Francalanza
09:45 M'hemmx iktar xhieda llum. Il-Prosekuzzjoni u l-Qorti qegħdin jippjanaw is-seduti li jmiss, u min imiss jixhed.
Sephora Francalanza
09:44 Il-bennej Albaniż mhux se jixhed illum.
Sephora Francalanza
09:44 Dr Montalto jgħid li la l-bennej diġà xehed, għandu jintalab jerġa' jixhed biss fil-kontro-eżami. Din it-talba qed issir f'isem l-erba' akkużati.
Sephora Francalanza
09:42 Il-Prosekuzzjoni bagħtet għall-bennej Albaniż. Id-Difiża tgħid lill-Qorti li hu diġà xehed fl-inkjesta maġisterjali.
Sephora Francalanza
09:38 L-uffiċjal jintwera rapport li għamel hu stess, u hu jikkonferma.
Sephora Francalanza
09:37 Jitla' jixhed uffiċjal tal-Pulizija mid-distrett tal-Ħamrun.
Sephora Francalanza
09:36 Il-perit kien qal lill-vittma li jekk tinżamm id-distanza, it-theżżiż jinħass iktar. Qalilha wkoll li l-liġi kienet waħda antika.
Sephora Francalanza
09:35 L-ewwel ritratt wera makkinarju tal-iskavar qrib il-ħajt li kien jifred id-dar tal-familja mill-ġnien. Iddeċidew li jkollhom laqgħa mal-kuntrattur fl-24 ta' Frar fuq il-kwistjoni li jsir skavar ta' żewġ piedi u nofs bogħod mill-ħajt.
Sephora Francalanza
09:33 Tispjega li ommha qaltilha li d-dar tant bdiet titheżżeż li anke l-ġirien l-oħrajn bdew iħossu t-theżżiż.
Sephora Francalanza
09:32 Portelli tgħid li ommha bagħtitilha ritratt u filmat tax-xogħlijiet. Tispjega li ommha u l-ġirien marru jkellmu lil Malcolm Mallia fuq is-sit stess.
Sephora Francalanza
09:30 Ivana Portelli tgħid li ommha marret għand it-tabib u ngħatat il-mediċina għall-anzjetà. Kellha wkoll appuntament ma' psikologu, li kellu jkun għal tmiem Marzu.
Sephora Francalanza
09:28 Ix-xhud tispjega li hija kienet preżenti biss fil-laqgħa msemmija. M'attendietx għal laqgħat oħrajn bejn il-familja u l-iżviluppaturi. Madankollu, kienu jikkomunikaw fuq WhatsApp u Messenger, u l-bint kienet iżżomm ruħha infurmata b'li kien għaddej.
Sephora Francalanza
09:28 It-tħassib ta' Miriam Pace kien dwar il-kostruzzjoni u għax kienu se jitilfu l-veduta. Ivana Portelli tgħid li ommha kienet anzjuża ħafna meta l-permess ġie approvat.
Sephora Francalanza
09:28 Eventwalment, il-familja Pace kellha laqgħa mal-iżviluppatur u mal-aġent tal-propjetà biex jiddiskutu l-possibbiltà li jbigħu d-dar lill-iżviluppatur. Il-kwistjoni kienet li l-garaxx taħt id-dar ma kienx tal-familja Pace.
Sephora Francalanza
09:26 Il-familja ħadet dan il-proġett bħala opportunità biex tikkunsidra li tixtri propjetà ġdida. Ivana Portelli tispjega li ommha bdiet tkellem lil aġent tal-propjetà li infurmahom li l-ġnien kien se jinbiegħ.
Sephora Francalanza
09:24 Dr Giglio jibda bil-mistoqsijiet tiegħu lix-xhud.

Portelli tgħid li f'Mejju tal-2019, ġew infurmati li l-ġnien li jmiss mal-propjetà tal-ġenituri tagħhom inbiegħ. Tgħid li ommha kienet imħassba peress li l-ġnien kien kbir, allura dan fisser li l-proġett se jkun wieħed kbir ukoll.
Sephora Francalanza
09:22 Ivana Portelli, bint il-vittma, titla' tixhed.
Sephora Francalanza
09:20 It-tieni applikazzjoni tikkonċerna l-vettura użata minn Dimech. Il-Maġistrat Mifsud jgħid li din hi identika għal dik li tressqet quddiem il-Qorti Kriminali. Dr Montalto jispjega li għandu tliet punti x'jagħmel fil-qorti.
Sephora Francalanza
09:20 Applikazzjoni minnhom hija minn Dr Montalto f'isem il-klijent tiegħu Ludwig Dimech. Il-Maġistrat jgħid li t-talba issa qiegħda f'idejn l-Avukat Ġenerali. Jekk dan jaċċettaha, id-Difiża titlob li jiġi appuntat espert sabiex jevalwa s-sit. Il-Maġistrat jgħid li jekk dan isir, irid ikun hemm pulizija preżenti fuq il-post ukoll.
Sephora Francalanza
09:18 Il-Maġistrat Joe Mifsud jgħid li tressqu żewġ applikazzjonijiet.
Sephora Francalanza
09:18 Is-seduti li jmiss se jsiru fid-9 ta' Lulju fil-11am, fid-29 ta' Lulju fl-10am, fid-9 ta' Settembru fid-9.30am u fl-10 ta' Settembru fid-9am.
Sephora Francalanza
09:17 L-erba' persuni akkużati jidħlu fl-awla.
Sephora Francalanza
09:13 Il-Qorti tispjega li minħabba d-daqs tal-awla, se jitħallew fl-awla biss il-ġurnalisti, il-qraba tal-vittma, l-avukati u l-Prosekuzzjoni. Ħadd mhu se jitħalla joqgħod bilwieqfa fl-awla.
Sephora Francalanza
09:05 It-traġedja seħħet eżatt bħal-lum erba' xhur ilu. L-armel ta' Miriam Pace llum xerred messaġġ fuq Facebook fejn sellem lil martu u qalilha kemm jimmissjaha.
Sephora Francalanza
09:00 Bonġu, nilqgħukom għal dan il-blogg live minn awla 18 fil-qorti.
Sephora Francalanza

Fl-aħħar seduta xehed ir-raġel ta’ Miriam, Carmel Pace, li stqarr li hu u martu, flimkien ma’ ġirien oħra, kienu wrew it-tħassib tagħhom fuq il-proġett ta’ kostruzzjoni li kien għaddej ħdejhom.

Xi spikka fl-aħħar seduta?

  • Xehdu Carmel Pace, l-armel ta’ Miriam Pace, u l-ġirien John Sammut, Rosette Zerafa u Carmelo Pace
  • Fi Frar kien hemm l-ewwel inċident fis-sit tal-kostruzzjoni
  • Il-ġirien iltaqgħu mal-kuntrattur u l-perit li assigurawhom li qed jimxu mal-liġi
  • Il-ġirien kienu mbeżżgħin “imma Miriam Pace kienet imwerwra”
  • Carmel Pace kellem lil martu ftit minuti qabel iġġarraf il-bini
  • Il-familja Pace u ġirien oħra qabbdu perit biex jagħmlilhom rapport fuq il-propjetà tagħhom
  • It-theżżiż mix-xogħol tal-kostruzzjoni kien jinħass qisu terremot
  • Jgħid li d-dar il-ġdida li tawhom tinħass li mhix darhom u tilfu kull tama fil-futur
  • Ġara tgħid li ma tistax tmur lura d-dar u torqod bil-mistrieħ meta mit-twieqi tagħha tista’ tara d-dar imġarrfa tal-familja Pace
  • Bint il-vittma għadha mhix lesta biex tixhed

Il-Maġistrat Joe Mifsud qed jippresiedi l-każ, li fih qed jitressqu l-qorti l-perit tal-proġett ta’ 36 sena residenti r-Rabat, is-Site Technical Officer (perit) ta’ 72 sena residenti l-Gżira, il-kuntrattur ta’ 37 sena residenti Ħaż-Żebbuġ u ħaddiem ta’ 42 sena residenti l-Imqabba.

Huma mixlija li bi traskuraġni kkaġunaw il-qtil ta’ Miriam Pace u li kkaġunaw ħsara fuq proprjetà privata fost akkużi oħra. Ix-xahar li għadda huma nħelsu mill-arrest.

Il-Prosekuzzjoni hi magħmula mill-Ispetturi Robert Vella u Matthew Galea. L-Avukati Arthur Azzopardi u Alfred Abela qed jidhru għall-periti, filwaqt li l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri qed jidhru għall-bennej. L-Avukati Michael Sciriha, Roberto Montalto, Lucio Sciriha u Franco Galea qed jidhru għall-kuntrattur.

Il-familja Pace hija rappreżentata fil-qorti mill-Avukati Joe Giglio u David Bonello. L-Avukat Stefano Filletti qed jirrappreżenta lill-ġirien.