Traġedja Ħamrun: “Ix-xogħol ta’ kostruzzjoni ma kellux jibda” – PA

“Noffru kull għajnuna possibbli lill-familja Pace u dawk milquta” – Il-Kunsill Lokali tal-Ħamrun

Miguela Xuereb

Filwaqt li x-xogħol ta’ kostruzzjoni fil-Ħamrun ma kienx illegali, kelliem għall-Awtorità tal-Ippjanar ikkonferma ma’ Newsbook.com.mt li dan ma kellux jibda. Dan wara li nhar it-Tnejn li għadda, binja ġġarfet fil-Ħamrun u ħasdet il-ħajja ta’ mara ta’ 54 sena minħabba x-xogħol li kien qed isir fis-sit.

Fit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, il-kelliem għall-PA qal li x-xogħol fis-sit ta’ kostruzzjoni ma kellux jibda. Hu spjega li “l-permess kien għadu sospiż u għaldaqstant ma setgħetx tiġi sottomessa notifika ta’ bidu għax-xogħol lill-awtorità.”

Ġie kkonfermat ukoll li ma ttieħdet l-ebda azzjoni ta’ infurzar min-naħa tal-Awtorità għall-Ippjanar qabel it-tiġrif tal-binja. Fit-tweġiba tiegħu lil Newsbook.com.mt, il-kelliem qal iżda li l-Awtorità tal-Ippjanar ma kinitx ġiet infurmata li x-xogħlijiet kienu bdew fuq is-sit. L-Awtorità qalet li lanqas kienet irċeviet rapport jew ilmenti mill-ġirien dwar is-sit tal-kostruzzjoni.

It-Tnejn, ġisem Miriam Pace instab taħt il-ġebel li qabel kienu s-sisien ta’ darha. Id-dar iġġarfet kawża ta’ xogħol ta’ skavar li kien qed isir fis-sit ta’ maġenb id-dar fil-Ħamrun. Il-ħidma tat-tiftix u s-salvataġġ damet għaddejja għal aktar minn tmien sigħat.

Nhar l-Erbgħa, l-Awtorità tal-Ippjanar ħarġet dikjarazzjoni tgħid li s-sit ta’ kostruzzjoni maġenb id-dar ta’ Miriam Pace kien kopert minn permess għall-iżvilupp (PA6459/19). L-awtorità kompliet tgħid li wara li joħroġ il-permess tal-iżvilupp, ix-xogħol li jifdal lill-awtorità huwa li tassigura li x-xogħol ikun qed isir skont il-pjanijiet u l-kundizzjonijiet sottomessi fl-applikazzjoni. Qalet li l-metodu ta’ skavar fuq is-sit, is-sigurtà għall-propjetajiet ta’ terzi-parti, u affarijiet oħrajn relatati mas-sit ta’ kostruzzjoni huma barra mill-kontroll tal-awtorità.

Il-PA kompliet tgħid li persuna li tingħata l-permess għandha tissottometti n-notifika ta’ bidu tax-xogħol lill-Awtorità tal-Ippjanar sa mhux inqas minn ħamest ijiem qabel ma dan jibda. Qalet li minkejja dan, l-eżekuzzjoni tal-permess PA6459/19 għadu taħt sospensjoni ta’ 30 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu datata għat-12 ta’ Frar tal-2020. Għalhekk qalet li n-notifika tal-bidu tax-xogħol u d-data tal-bidu għal dan waqt il-perjodu ta’ sospensjoni ma jistax jiġi aċċettat.

“Noffru kull għajnuna possibbli lill-familja Pace u dawk milquta” – Il-Kunsill Lokali tal-Ħamrun

Il-Kunsill Lokali tal-Ħamrun qal fi stqarrija li se jkun qed joffri kull għajnuna possibbli lill-familja Pace, kif ukoll lil dawk il-familji milquta f’din it-traġedja. L-ittra iffirmata mis-Sindku tal-Ħamrun Christian Sammut tkompli tgħid li l-lokal jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta’ sigurtà u nfurzar li jista’ jkun hemm f’siti ta’ kostruzzjoni fil-lokal. Huma talbu sabiex jiġu infurzati l-liġijiet biex ir-residenti li jgħixu hemm iħossuhom siguri f’darhom.

Qal li l-Kunsill Lokali se jkun qed jitlob laqgħa urġenti mal-awtoritajiet ikkonċernati fejn se jitlob li ssir spezzjoni fis-siti ta’ kostruzzjoni preżenti. Il-Kunsill se jitlob ukoll li jingħata aktar sehem fl-applikazzjonjiet il-ġodda.