Traġedja Ħamrun: Il-PN jitlob għal inkjesta pubblika

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Partit Nazzjonalista sejjaħ biex issir inkjesta pubblika dwar l-inċident li seħħ fil-Ħamrun it-Tnejn li għadda li fih mietet omm meta kkolassat id-dar tagħha. Id-dar kienet maġenb sit tal-kostruzzjoni.

Fi stqarrija, il-PN qal li għandha ssir inkjesta pubblika li tistabbilixxi x’wassal, jekk sarx dak kollu li kien possibbli biex tiġi evitata t-traġedj. L-Oppożizzjoni Nazzjonalista qalet li din hi responsabbiltà politika li l-Gvern Laburista għandu jġorr.

“Din kienet traġedja li setgħet ġiet evitata li kieku l-Gvern ma njorax is-sinjali kollha wara l-każijiet l-oħrajn ta’ tiġrif li seħħew matul l-aħħar xhur. Huwa l-obbligu tal-Gvern li jara li b’serjetà, b’liġijiet u infurzar tingħata l-protezzjoni kollha neċessarja lill-propjetajiet ta’ terzi li jinsabu biswit siti tal-kostruzzjoni u mhux ifarfar dawn ir-responsabbiltajiet fuq terzi. Dan apparti li jiġi indirizzat t-tħassib tal-persuni waqt li jkunu qegħdin isiru xogħlijiet,” qal il-PN.

Skont il-PN, bid-dikjarazzjoni tiegħu dwar riforma sħiħa, il-PM Robert Abela kkonferma li bin-nuqqas ta’ ppjanar il-Gvern ma serraħ moħħ ħadd, partikolarment dawk li joqogħdu fi djar qrib siti tal-kostruzzjoni.

“Ir-responsabbiltà politika wara t-traġedja tal-mewt ta’ Miriam Pace trid tinġarr mill-Ministru Laburista Ian Borg, li kien responsabbli mir-riforma u tibdil fil-liġijiet dwar l-evitar ta’ ħsara lill-propjetajiet ta’ terzi persuni, liema riforma hija ċara daqs il-kristall li falliet,” qal il-PN.

Fost is-sitt persuni arrestati b’rabta mat-traġedja fil-Ħamrun li ħasdet il-ħajja ta’ Miriam Pace ta’ 54 sena, erba’ minnhom ingħataw il-police bail. Fi stqarrija, il-Pulizija qalet ukoll li t-tnejn l-oħra għadhom qed jinżammu arrestati.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-istituzzjonijiet qed jagħmlu xogħolhom b’rabta mal-każ. Tenna li ħatar kumitat tekniku biex jevalwa l-industrija tal-kostruzzjoni u jippreżenta r-rakkomandazzjonijiet tiegħu. Għalkemm Abela ma tax data għal meta għandu jitlesta xogħol tal-kumitat qal li jistenna li dan isir malajr kemm jista’ jkun. Qal li qed iħoss sogħba u niket b’rabta mal-każ.