Traġedja Ħamrun: “Il-makkinarju ċċaqlaq meta beda jaqa’ l-bini”

Hekk kif kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni dwar it-traġedja tal-Ħamrun li ħasdet il-ħajja ta’ Miriam Pace, il-Prosekuzzjoni spjegat fil-Qorti, li skont l-evidenza minn fuq il-post u r-ritratti tal-perit, il-makkinarju tal-kostruzzjoni li kien qiegħed jopera viċin id-dar tressaq malli l-bini beda jaqa’.

Waqt is-seduta tal-lum, fil-qorti nstemgħu żewġ xhieda; rappreżentant ta’ Transport Malta u l-Ispettur Matthew Galea. Ir-rappreżentant ta’ Transport Malta ta’ informazzjoni dwar is-sidien tal-karozzi, mgħaffġa bit-tifrik tal-bini kif ukoll dwar il-makkinarju li kien qiegħed jintuża fis-sit tal-kostituzzjoni.

L-Ispettur Matthew Galea spjega l-involviment tiegħu fl-investigazzjoni. Żied li huwa kien interroga żewġ ħaddiema li kienu fuq il-post fil-ħin tal-inċident.

Wieħed mill-ħaddiema, Nicholas Spiteri, li huwa wieħed mill-akkużati f’dan il-każ u -raġel Albaniż ma tressaqx il-Qorti. Iż-żewġ ħaddiema ċaħdu li waqt il-ħin tal-inċident il-makkinarju kien viċin id-dar ta’ Miriam Pace. Madankollu meta l-Pulizija interrogat lill-Perit Roderick Pace li qiegħed jiġi akkużat ukoll b’dan il-qtil, huwa wera ritratti li juru li l-ħaddiema ma kinux qegħdin jgħidu l-verità.

Il-Perit spjega li r-ritratti juru li l-makkinajru kien qiegħed jiġi wżat viċin ir-residenza ta’ Pace u dan jikkuntrasta ma’ dak li qalu l-ħaddiema. Il-Prosekuzzjoni spjegat li dak li qal il-perit kien aktar kredibbli milli dak li qalu l-ħaddiema minħabba li fuq il-makkinarju kien hemm aktar trab milli kien hemm fuq il-vann li kien viċin il-makkinarju. Kien hemm ukoll il-linji minn fejn għadda l-makkinarju li kienu għadhom friski.

L-Ispettur spjega li meta kkonfronta lill-ħaddiema b’din l-evidenza, Spiteri baqa’ jinnega li l-makkinarju kien qiegħed jintuża viċin id-dar ta’ Miriam Pace waqt il-ħin tal-inċident, filwaqt li l-Albaniż xehed li Spiteri kien qiegħed juża l-makkinarju fil-ħin tal-inċident u dan ċaqalqu hekk kif il-bini beda nieżel. L-Albaniż qal ukoll li r-raġel qallu biex ma jitkellem xejn fuq dak li ġara.

Dan ġie kkonfermat mill-Ispettur Matthew Galea waqt il-kontro eżami li sar mill-avukati Alfred Abela u Arthur Azzopardi li qegħdin jidhru f’isem il-perit Roderick Camilleri u l-Perit Mangion. L-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri qed jidhru f’isem Nicholas Spiteri. Għal kuntrattur Ludwig Dimech qegħdin jidhru l-Avukati Roberto Montalto, Michael Scirha u Franco Galea.

L-Avukati Joe Giglio u David Bonello qegħdin jidhru għall-familja Pace. Il-każ mistenni jkompli fid-9 ta ’Settembru fl-10:30 am.