Traġedja Ħamrun: Ian Borg iwieġeb lill-Oppożizzjoni dwar hux se jerfa’ responsabbiltà

Ritratt minn Luke Zerafa

Il-Ministru għat-Trasport Ian Borg saħaq li ħadd mill-Oppożizzjoni ma lissen kelma kontra r-regolamenti tal-bini meta ġew imnedija għax kulħadd jaqbel li r-regolamenti huma tajbin. “Dan ifisser li fil-każ li kellna l-ġimgħa li għaddiet xi ħadd kiser ir-regolamenti, mhux se jkun prużuntuż, hemm min qed jinvestiga dan il-każ,” qal Borg.

Meta kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet supplementari tad-deputati Nazzjonalista Ryan Callus, Robert Cutajar u Beppe Fenech Adami, il-Ministru qal li filwaqt li kien hemm diversi regolamenti li ġew mgħarbla mill-Oppożizzjoni, fuq ir-regolamenti tal-bini ħadd ma tkellem. 

Dawn il-kelliema talbu lill-Ministru Borg jekk kienx se jassumi r-responsabbiltà politika wara l-mewt ta’ Miriam Pace f’inċident tal-kostruzzjoni. Huwa qal li dawn ir-regolamenti dejjem jista’ jiġu mtejba u jittieħdu l-konsiderazzjoni fost l-oħrajn jekk hemmx bżonn li l-iżviluppaturi l-ewwel jitolbu l-permess tal-ġirien imbagħad jibdew ix-xogħol, jew jekk għandhomx jipprovdu post ta’ akkomodazzjoni alternattiv.