Traġedja Ħamrun: Ħaddiem wissa lil ieħor biex iżomm ħalqu magħluq

Miguela Xuereb

Read in English.

Ħaddiem Malti wissa lil ħaddiem barrani li kien qed jaħdem miegħu biex iżomm ħalqu magħluq malli ġġarrfet il-binja li fit-tiġrif tagħha tilfet ħajjitha Miriam Pace, mara ta’ 54 sena.

Illum bdiet tinstema’ l-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-konfront ta’ erba’ persuni b’rabta mat-traġedja li ġrat fil-Ħamrun f’Marzu li għadda.

Il-Maġistrat Joe Mifsud qed jippresiedi l-każ, li fih qed jitressqu l-qorti l-perit tal-proġett ta’ 36 sena residenti r-Rabat, is-Site Technical Officer (perit) ta’ 72 sena residenti l-Gżira, il-kuntrattur ta’ 37 sena residenti Ħaż-Żebbuġ u ħaddiem ta’ 42 sena residenti l-Imqabba. Huma mixlija li bi traskuraġni kkaġunaw il-qtil ta’ Miriam Pace u li kkaġunaw ħsara fuq proprjetà privata fost akkużi oħra. Ix-xahar li għadda huma nħelsu mill-arrest.

Preżenti fl-awla kien hemm Carmelo Pace, żewġ il-vittma.

Jintuża makkinarju ġdid għall-ewwel darba dakinhar tal-inċident

Illum xehed l-Ispettur Robert Vella li tkellem dwar l-investigazzjonijiet tal-Pulizija li wasslu għall-arrest tal-akkużati.

Dakinhar tat-2 ta’ Marzu, il-ħaddiem Malti akkużat kien qiegħed jaħdem fis-sit tal-kostruzzjoni flimkien ma’ ħaddiem Albaniż. Kienu qegħdin ineħħu t-terrapien biex isir iktar xogħol ta’ skavar, bl-użu ta’ gaffa bil-barmil. Il-ħaddiem Malti kien ġej u sejjer mill-post biex jarmi l-iskart tat-terrapien xi mkien ieħor.

Ftit qabel l-inċident, jiġifieri ftit wara s-2pm, huwa allegatament beda juża makkinarju ġdid tal-iskavar bil-musmar imwaħħal miegħu. Jidher li din kienet l-ewwel darba li bdew jużawh.

Il-ħaddiem Albaniż li kien qed jaħdem miegħu rrakkonta lill-pulizija kif il-ħaddiem Malti kien qed jissara mal-blat iebes taħt ix-showroom tal-karozzi meta l-propjetà ċediet. Kien f’dan il-mument li l-ħaddiem allegatament hedded lill-kollega tiegħu, “Ara jfettillek tgħid xi ħaġa għax problemi kbar ikollok.”

L-Ispettur Vella wera ritratti fil-qorti tax-xena wara li ċeda l-bini, li juru l-makkinarju n-naħa l-oħra tal-bini mwaqqa’, mentri filmati mill-kameras tas-sigurtà juru l-gaffa eżatt taħt ix-showroom, ftit sekondi qabel il-bini ċeda.

Esperti forensiċi li studjaw il-post fil-jiem ta’ wara l-inċident innutaw żebgħa blu fuq wara tal-gaffa, li possibbilment taqbel maż-żebgħa ta’ waħda mis-sitt karozzi ġol-garaxx tax-showroom. Kien hemm ukoll biċċiet taż-żebgħa li jaqblu mal-ħajt tal-kuritur, biċċiet tal-membrane u anke tal-ħġieġ mid-dar mġarrfa tal-familja Pace.

Il-mowbajl tal-bennej se jiġi analizzat

Il-ħaddiem Albaniż ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li ta l-istqarrija tiegħu lill-pulizija. Il-ħaddiem Malti ġie arrestat fil-5 ta’ Marzu, tlett ijiem wara li seħħ l-inċident.

Il-Qorti laqgħet it-talba tal-Prosekuzzjoni li l-mowbajl tal-bennej jiġi analizzat minn espert tal-informatika sabiex isib xi komunikazzjoni relevanti li huwa jaf kellu qabel jew wara l-inċident.

Il-Prosekuzzjoni hi magħmula mill-Ispetturi Robert Vella u Matthew Galea. L-Avukati Arthur Azzopardi u Alfred Abela qed jidhru għall-periti, filwaqt li l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri qed jidhru għall-bennej. L-Avukati Michael Sciriha, Roberto Montalto, Lucio Sciriha u Franco Galea qed jidhru għall-kuntrattur.

Il-familja Pace kienet rappreżentata fil-qorti mill-Avukati Joe Giglio u David Bonello. L-Avukat Stefano Filletti qed jirrappreżenta lil ġirien oħra.

Il-kumpilazzjoni għandha tkompli nhar it-Tnejn li ġej.