Aġġornata: Traġedja għall-Venezwela: Imut il-President Chavez

Hekk kif ħalla din id-dinja l-President tal-Venezwela Hugo Chávez, ħafna qed jiddubitaw hux se jibqa’ jiġi mfakkar bħala mexxej dittatur jew inkella soċjalist, eroj tal-poplu fqir.

Minkejja li din hija mostoqisja li diffiċili tweġibha, ħafna jsostnu li l-kapaċitajiet ta’ Chávez bħala mexxej populist ma jistgħu qatt jintesew. Se jibqa’ dejjem imfakkar għall-mod kif oppona lill-Amerikani u bena ħbiberiji ma’ pajjiżi mistkerrħa mid-dinja tal-punent.

Fost l-iktar kummenti mqanqla kien hemm dawk tal-President tal-Iran, Mahmoud Ahmadinejad, li qal li jinsab ċert li Chávez se jerġa’ jitfaċċa’ f’Jum il-Qawmien.

Il-President tal-Venezwela miet fl-età ta’ 58 sena, u kien ilu jmexxi l-pajjiż għal dawn l-aħħar 14-il sena.

L-awtoritajiet tal-Venezwela ħabbru sebat’ijiem luttu. Eluf ta’ persuni niżlu fit-toroq ta’ Caracas biex jesprimu s-sogħba tagħhom. Mexxeja mill-Amerka Latina bdew jaslu f’Caracas sabiex jagħtu l-aħħar tislimiet. Fost dawn hemm il-President tal-Arġentina Cristina Fernandez de Kirchner, tal-Uruguay Jose Mujica u Evo Morales ta’ Bolivia.

Il-katavru ta’ Chávez se jittieħed fl-Akkademja Militari f’Caracas f’ purċissjoni. Il-funeral se jsir nhar nhar il-Ġimgħa. Il-membri tal-Militar sparaw salut ta’ 21 tir sabiex f’unur il-President mejjet.

Fix-xhur li għaddew il-President tal-Venezwela ġie operat minħabba kanċer. Huwa miet ilbieraħ fl-4:25pm fil-belt ta’ Karakas.

Il-Viċi President tal-pajjiż Nicolas Maduro qal li din hi traġedja storika għall-pajjiż u appella lill-poplu Venezwelan biex ikun magħqud u jżomm il-paċi. Wara t-tħabbira tal-mewt tiegħu, il-forzi armati tal-Venezwela nxterdu mal-pajjiż biex jiżguraw is-sigurtà.

Saħħet Chávez dan l-aħħar marret ferm lura wara li daħal jagħmel ir-raba’ operazzjoni minħabba l-kanċer. Hugo Chávez, li miet fl-età ta’ 58 sena, kien ilu jokkupa l-kariga ta’ President sa mill-1999 u f’Ottubru li għadda reġa’ ġie kkonfermat bħala President għar-raba’ darba.

Skont il-Viċi President Venezwelan, Hugo Chávez marad minħabba “li ġie attakkat” bħall-eks mexxej Palestinjan Yasser Arafat. Filfatt, qed jingħad li allegatament Chávez kien ġie avvelenat. Maduro qal li grupp ta’ xjenzati se jkunu qed jagħmlu t-testijiet biex jaraw jekk hux minnu jew le.

Min-naħa l-oħra, l-Istati Uniti iddeskrivew dawn l-akkużi bħala assurdi. Il-President Amerikan Barack Obama qal li l-Istati Uniti jikkonfermaw l-appoġġ tagħhom lill-Venezwela u li għall-pajjiż se jibda kapitlu ġdid tal-Istorja.

Intant ġurnalista u cameraman tal-istazzjoni Kolombjan RCN TV ġew attakkatti mill-folla rrabjata fil-kapitali tal-Venezwela. Aktarx li l-folla ħasbet li dawn iż-żewġ persuni kienu ħaddiema tal-istazzjon mill-Venezwela Globovision. Chávez kien akkuża lil dan l-istazzjoni li mmanipola l-informazzjoni u pprovda tagħrif lill-oppożizzjoni.