Traffiku San Pawl il-Baħar: Il-kunsill jinsisti għal soluzzjoni differenti

Il-kunsill lokali ta’ San Pawl il-Baħar qed jappella lill-awtoritajiet biex ma tirrepetix ruħha l-qagħda tal-lum tat-traffiku f’San Pawl il-Baħar, li sejħilha “tal-biża’”.
Il-kunsill wera apprezzament għall-ħtieġa tax-xogħlijiet fi Triq il-Kosta imma sostna li dan ma jistax jikkawża dannu kbir lil San Pawl il-Baħar, lil dawk li joqgħodu, jaħdmu jew jgħaddu minn hemm, lit-turisti, lill-ħaddiema, u lil dawk li jkunu ġejjin mill-Mellieħa jew minn Għawdex.
Diversi sewwieqa lmentaw dalgħodu dwar it-traffiku "esaġerat" li kien hemm matul San Pawl il-Baħar u f'partijiet oħra ta' Malta minħabba l-għeluq ta' Triq il-Kosta
Il-kunsill appella lill-awtoritajiet tal-Pulizija u ta’ Transport Malta biex jieħdu l-passi meħtieġa biex ikun hemm immaniġġjar tajjeb tat-traffiku.
Insista li uffiċjal wieħed tal-Pulizija ħdejn ir-rawndebawt tal-Erba’ Mżieweb mhux biżżejjed u li għandu jkun hemm ferm iktar pulizija f’dawn l-inħawi.
Saħaq li hu inutli li s-sewwieqa jintalbu jużaw toroq alternattivi jekk dawn ikunu imballati bit-traffiku.
Il-kunsill talab ukoll biex fil-futur, ikun hemm konsultazzjoni miegħu biex jiġu evitati sitwazzjonijiet bħal tal-lum. Appella biex ix-xogħol ippjanat għall-ġranet li ġejjin, jiġi rivedut b’mod immedjat biex il-konġestjoni tat-traffiku ma tirrepetix ruħha.
Appella għal soluzzjonijiet oħrajn, li għalkemm jistgħu jieħdu iktar fit-tul f’dak li għandu x’jaqsam ma’ Triq il-Kosta, ma jitfgħux piż esaġerat fuq San Pawl il-Baħar.