Aġġornata: Traffiku kbir dalgħodu, tgħid għaliex?

Aktarx li t-traffiku ta’ dalgħodu kien ikkaġunat minn erba’ ħabtiet fil-mini ta’ Santa Venera, fid-direzzjoni lejn il-Marsa. Tliet ħabtiet oħra seħħew fl-istess mini, fid-direzzjoni lejn il-Kappara. Triq Ħal Qormi fil-Marsa kienet magħluqa minħabba xogħolijiet.

Aktar Kmieni:

Kienu ħafna dawk li dalgħodu waslu tard għax-xogħol.

Għal xi raġuni toroq prinċipali bħall-Bypass ta’ Birkirkara, Triq Sant’ Anna fil-Furjana u l-inħawi qrib il-park and ride tal-Marsa kienu mimlija karozzi wieqfin. L-istess kien irrapportat bejn Birkirkara u Fleur De Lys, Triq Rue d’Argens l-Msida, ir-roundabout fejn l-iskate park tal-Msida, it-triq bejn il-Kappara u Triq Reġjonali, it-toroq ewlenin ta’ Ħal Qormi u ta’ Ħal-Luqa.

Il-Pulizija qalet li ma kien irrapportat ebda inċident tat-traffiku li kien jitlob l-għajnuna tagħha.

Meta kellimna persuni minn kumpanija tal-gwardjani lokali, qalulna li sat-8:30am, kienu rrapportati sitt inċidenti żgħar tat-traffiku. Dan huwa numru pjuttost normali għal ħinijiet ta’ filgħodu, bid-differenza li dalgħodu l-wardens sabuha diffiċli jaslu minn inċindet għall-ieħor.

Kelliem għall-gwardjani qal li n-nies f’Malta għad għandhom id-drawwa li minflok jimlew il-formula meta jkun hemm ħabta ‘front-to-rear’, isejjħu għall-gwardjani.

Spjega li minbarra li dan iwassal għal aktar traffiku, persuni li jaħabtu u jibqgħu fit-triq jistgħu jeħlu multa ta’ €104 kull wieħed. Din il-multa ma tingħatax mill-wardens, iżda mill-Pulizija.

Il-kelliem qal li l-karozzi nvoluti fl-inċident jistgħu jkunu ġarrbu ħsarat kbar ħafna, iżda ladarba l-inċident ikun ‘bumper-to-bumper’, il-warden ikun biżżejjed.