Traffiku: 17-il sekonda tard kull kilometru

Bħala medja, karozza f’Malta tkun kważi 17-il sekonda tard kull kilometru.
Dan qalu fil-Parlament il-Ministru għat-Trasport Joe Mizzi fi tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari tad-Deputat Laburista Godfrey Farrugia.
Huwa spjega li skont studju li sar fl-2012 mill-Institute for Climate Change and Sustainable Development tal-Università ta’ Malta bil-kollaborazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea il-medja ta’ sekondi f’delays għal kull kilometru kien ta’ 16.93 sekonda. Din iċ-ċifra hi kważi tliet darbiet il-medja Ewropea ta’ 5.74 sekonda kull kilometru.
Il-Ministru rrikonoxxa li “l-Gvern qatt ma ċaħad li l-problema tat-traffiku teżisti. It-traffiku kien u għadu problema” u qabel li ż-żieda fin-numru ta’ vetturi ħalliet impatt fuq l-ambjent ta’ Malta u  fuq is-saħħa pubblika, l-ekonomija u l-‘overall business climate’.
Fi kliemu l-kawżi prinċipali tal-problemi tat-traffiku f’Malta huma n-numru eċċessiv ta’ vetturi, in-nuqqas ta’ ‘capacity investment’ li sar matul is-snin, ix-xogħlijiet infrastruttural li jridu jsiru bil-fors u n-nuqqas ta’ dixxiplina fost is-sewwieqa.