Traffikar taż-żejt: “Il-Maltin damu sena u nofs biex weġbuna” – prosekutur Sqalli

Prosekutur minn Katanja fi Sqallija, Andrea Bonomo, qal li kemm-il darba ppruvaw jikkollaboraw mal-awtoritajiet Maltin dwar it-traffikar illegali taż-żejt mil-Libja, iżda baqgħu bla tweġiba għal aktar minn sena u nofs, u dan qed jagħmel minn Malta l-post ideali għat-traffikanti.
Bonomo qal li kien wara l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia li l-awtoritajiet Maltin bagħtu xi informazzjoni, iżda sostna li ma kinitx biżżejjed.
Dan qed jirrappurtah id-The Guardian, ġurnal parti minn The Daphne Project li jiġbor fih għadd ta’ ġurnalisti li qed ikomplu bl-istejjer li kellha l-ġurnalista maqtula, Daphne Caruana Galizia.
Intqal li l-Guardia di Finanzia fl-Italja lemħu minn tal-inqas 12-il darba bastimenti jħottu u jgħabbu ż-żejt illegali fl-ibħra Maltin, bħalma kien jiġri fl-2016.
Sorsi mill-industrija tal-ħut kienu qalu lil Caruana Galizia dwar dawn l-attivitajiet, saħansitra b’bastimenti li kienu tħallew jidħlu f’Malta mingħajr ma ġew iċċekkjati.
The Guardian qed jirrapporta li l-Ministeru għas-Sigurtà Interna għadu ma weġibx għall-mistoqsijiet.
“Malta qed tiġi tiswa lil-Libja $1 biljun
Sadanittant, intqal li osservaturi internazzjonali huma tal-fehma li minħabba n-nuqqas t’azzjoni li qed tieħu Malta, qed jiġi jiswa lil-Libja madwar $1 biljun f’telf mill-bejgħ taż-żejt.
Il-kumment ta’ Bonomo dwar Malta jidwi dak li qal il-ġurnalist Lorenzo Bagnoli, li hu ġurnalist minn The Daphne Project. Meta kien intervistat fuq RTK, Bagnoli sostna li l-awtoritajiet Taljani qed jaġixxu, iżda l-Maltin le.
Il-ġimgħa l-oħra t-Times of Malta, parti mill-istess konsorzju, irrappurtat li Malta tinsab fiċ-ċentru ta’ ħidma koordinata tajba ta’ kuntrabandu taż-żejt misruq mil-Libja.
Fi Frar li għadda, l-Istati Uniti ssanzjonat nies imdaħħlin f’din l-illegalità, fosthom 4 Maltin; Darren u Gordon Debono, Roderick Grech u Terence Micallef.
Ritratt: Reuters