Traffikar droga: Koppja illiberata; xhud investigat

Raġel ta’ 44 sena minn San Ġiljan u mara ta’ 40 sena mill-Gżira ġew illiberati mill-akkużi kontra traffikar tad-droga eroina wara li l-prosekuzjoni naqset milli tilħaq grad ta’ prova rikjest minnha.

Wara s-sentenza tagħha l-Qorti ordnat biex ix-xhud prinċipali f’dan il-każ jiġi investigat wara li ma kienx konsistenti u jista’ jkun li allegatament kiser il-ġurament. Il-Maġistrat ordna lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinvestiga dan il-każ u jekk isib provi dwar dan jitressaq il-Qorti.

Ix-xhud qal li fil-5 t’Ottubru tal-2007 r-raġel u l-mara kellhom fil-pussess tagħhom id-droga eroina. Madankollu l-Qorti qalet li ma tinsabx konvinta minn dak li qal ix-xhud u għalhekk iddeċidiet li ma tinkludix dak li qal.

L-Ispettur Norbert Ciappara qal li wara li rċieva informazzjoni li l-koppja kellha fil-pussess tagħha d-droga eroina u kienu fi triqithom lura Malta mit-Turkija, huwa bagħat lill-membri tal-Iskwadra kontra d-Droga sabiex issir tfittxija fuq dawn iż-żewġ persuni, liema tfittxija rriżultat fin-negattiv. Huwa spjega li anki l-xray irriżulta li ż-żewġ akkużati ma kellhomx droga moħbija fuqhom. Żied li huwarċieva informazzjoni li ż-żewġ akkużati kellhom fuqhom d-droga u għalhekk inkariga kuntistabbli biex isegwi l-movimenti tagħhom.

Spjega li ż-żewġ akkużati ġew arrestati flimkien max-xhud u raġel ieħor fir-residenza tax-xhud. Huwa qal li wara li saret tfittxija u nfetħet l-inkjesta l-Ispettur ħa stqarrija tax-xhud u ż-żewġ akkużati oħra. Ix-xhud ikkonferma li t-tfittxija ma saritx quddiem l-akkużati però saret quddiemu. Huwa qal li l-akkużati ma kinux preżenti.

Ix-xjenzat li ġie n-nominat mil-Qorti qal li d-droga li nstabet kienet eroina u tammonta għal 200.56 grammi li ġġib il-valur ta bejn €10,000 u €15,000.

Fix-xhieda tiegħu x-xhud qal li hu flimkien mal-persuna l-oħra ltaqgħu mal-akkużati biex jixtru b’Lm10 droga eroina mingħand l-akkużati. Żied li ltaqa’ mal-akkużati Paceville u marru flimkien il-Belt u d-dar tiegħu fil-Ħamrun, fejn l-akkużat kien se jagħmillu pakkett ta’ Lm10 għax ma kellux lesti.

Wara li semgħet ix-xhieda kollha l-Qort ddeċidiet li twarrab dak li qal ix-xhud, minħabba li dak li qal ma qabilx ma’ dak li qal il-persuna l-oħra.