Traffikanti ta’ persuni jagħmlu €1.4 biljun mil-Libja biss

Traffikanti ta’ persuni qed jagħmlu qligħ ta’ €1.4 biljun mil-Libja biss. Dan qalu l-President tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Donald Tusk, ftit qabel il-laqgħa tal-G20 f’Hamburg fil-Ġermanja.
Donald Tusk tkellem dwar il-bżonn li dan in-negozju “jitkisser b’urġenza” u ppropona li jsiru sanzjonijiet mill-Nazzjonijiet Uniti kontra t-traffikanti ta’ persuni, fosthom l-iffriżar tal-assi u l-projbizzjoni fuq l-ivjaġġar.
Fid-diskors tiegħu, Tusk qal li l-Unjoni Ewropea rnexxielha ttaffi ħafna mill-kriżi tal-immigrazzjoni u fi kliemu dan seħħ għax l-Unjoni Ewropea kellha l-għajnuna ta’ pajjiżi oħra li għenuha.
Minkejja dan, Tusk qal li l-Unjoni Ewropea mhux qed issib l-istess għajnuna fejn tidħol il-Libja, fejn prattikament qed taġixxi waħedha.
Din is-sena biss wasslu l-Italja aktar minn 83,000 immigrant bil-maġġoranza tagħhom huma Libjani.