Traffikanti jaħbu d-droga f’moħbiet madwar Paceville

Traffikanti tad-droga f’Paceville jidher li qed jaħbu kwantitajiet żgħar ta’ droga madwar ir-raħal sabiex inaqqsu r-riskju li jinqabdu.

Dan ħareġ mill-Qorti wara li tressqu tliet irġiel Somali akkużati li kellhom id-droga fuqhom.

L-Ispettur Trevor Micallef spjega li l-irġiel kienu jinġabru f’żoni partikolari f’Paceville sabiex jistennew lill-klijenti tagħhom. Malli jiġi klijent jibgħatu lil xi ħadd iġib l-ammont li hemm bżonn mill-moħba li jkunu qed jużaw. B’dan il-mod, jekk jinqabdu jiskontaw sentenza qasira l-ħabs hekk kif ikunu jistgħu jgħidu li d-droga li kellhom fuqhom kienet għall-użu personali.

Abdifatah Ali Mohammed, li għandu 23 sena, wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. Iż-żagħżugħ inqabad iwaddab pakketti mal-art minn spettur tal-RIU fl-14 ta’ Awwissu. Instab li fiż-żewġ pakketti kellu 34g ta’ kannabis. Fil-basket tiegħu instabu tliet pakketti żgħar oħra kokaina. Hu ngħata l-libertà kkundizzjonata għal sentejn.

Abdirashid Ibrahim Ahmed, ta’ 23 sena u Abdiraheem Abbas Tahlil, ta’ 22 sena, li ġew arrestati wkoll nhar it-Tlieta filgħaxija, ġew akkużati li kienu fil-pussess tar-raża tal-kannabis b’tali mod li kien jidher li mhux għall-użu personali tagħhom. Huma ġew akkużati wkoll li kienu fil-pussess tad-droga f’żona ta’ inqas minn 100m ‘il bogħod minn post frekwentat miż-żgħażagħ. Iż-żewġt irġiel qalu li mhumiex ħatja iżda l-Qorti rrifjutat il-ħelsien mill-arrest.