Traffikant tad-droga jnaqqas is-sentenza bin-nofs b’appell

Traffikant tad-droga rnexxielu jaqta’ s-sentenza ta’ sitt snin ħabs bin-nofs wara li għamel appell mal-Qorti. Dan għaliex traffikant ieħor li ġie arrestat fl-istess jum laqqat sentenza inqas ħarxa minn tiegħu.

Fl-2015 Stephen Borg ta’ 41 sena laqqat sitt snin ħabs u multa ta’ €8,000 għat-traffikar tal-kokaina. Dan wara li kien sar raid mill-Pulizija fid-dar tiegħu fl-2009. Kellu jħallas ukoll €3,600 fi spejjeż tal-esperti tal-Qorti.

Borg appella mis-sentenza u qal li ma kienx preżenti waqt ir-raid. Ammetta li kellu problema bil-vizzju tad-droga imma insista li ma kienx jittraffika d-droga.

Argumenta wkoll li dakinhar li ġie arrestat, kien ġie arrestat raġel ieħor li affaċċja akkużi simili. Dan tal-aħħar laqqat sentenza ta’ 12-il xahar ħabs u multa ta’ €1,500.

L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera qalet li ma kienx hemm dubju li l-post li fih kien sar ir-raid kienet ir-residenza ta’ Borg. Qalet ukoll li kien hemm diversi persuni li kkonfermaw li Borg kien ibigħ id-droga.

B’referenza għall-każ tat-tieni raġel, Scerri Herrera qalet li kull każ ikollu ċ-ċirkostanzi partikolari tiegħu. Madanakollu qalet li kull kastig kellu jkun proporzjonat. Fid-dawl ta’ dan, Scerri Herrera kkonfermat il-konvizzjoni però naqset is-sentenza għal tliet snin u naqset il-multa għal €3,000.