Traffikant tad-droga b’sentenza mnaqqsa fuq appell; Il-każ imur lura 21 sena

Sarah Cassar Dymond

Lawrence Attard ta’ 56 sena kellu s-sentenza tal-ħabs mnaqqsa fuq deċiżjoni tal-qorti tal-appell. Attard kien instab ħati li ta d-droga eroina lil tfajla ta’ 20 sena, Therese Agius, u li b’effett tad-droga t-tfajla kienet mietet. Il-każ imur lura għall-1999 meta l-ġisem tat-tfajla marbut b’wire tan-nylon blu, kien instab fil-baħar fl-inħawi ta’ Delimara.

Attard dejjem ċaħad li kien hu li ta’ d-droga lil Agius u li kienet waslet għandu minn persuna oħra, Joseph Azzopardi magħruf bħala iz-Zikizokk u li eventwalment kien ikkundannat għal 29 sena ħabs ikkonfermati fil-qorti tal-appell fl-2018.

L-akkużat kien tressaq il-qorti akkużat li kkawża l-mewt ta’ Therese Agius u li kien fil-pussess tal-eroina li l-investigazzjonijijiet wrew li ma kinx għall-użu personali tiegħu u li kien anke reċediv.

L-avukat ta’ Attard kien ippreżenta quddiem il-Qorti Kostituzzjonali, żewġ applikazzjonijiet li fihom jingħad li id-dewmien eċċessiv fil-proċess ġudizzjarju wasslu għal ksur tad-drittijiet fundamentali ta’ Attard biex il-każ ikollu smiegħ xieraq fi żmien raġonevoli.

Il-Qorti kienet ikkonfermat dak li kien qed isostni Attard minkejja s-sentenza li kienet ingħatat fl-2004, l-proċeduri kriminali quddiem il-Qorti tal-Maġistrati kienu konklużi fl-2013 meta l-akkużat kien ingħata sentenza ta’ sitt snin ħabs u multa ta’ €10,000.

Is-sentenza kienet eventwalment ġiet annullata f’appell fuq il-bażi li l-Qorti tal-Maġistrati rreferiet b’mod ħazin għal-liġi u b’hekk ġie deċiż li l-każ jerġa jinstema’ mill-bidu.

L-imħallef Edwina Grima ħadet nota mir-rekords tal-każ dwar numru ta’ persuni jagħmlu użu mid-droga b’mod regolari u li kienu jmorru f’appartament fil-Gżira li kien ta’ mara u t-tifel tagħha li kienu jbiegħu d-droga lil dawn il-persuni. Il-vittma, Therese Agius, kienet waħda minnhom.

Mill-qorti kien ħareġ li fl-1 ta’ Ottubru tal-1999, Agius kienet ngħatat 3 pakketti drogra eroina minn Attard li minn naħa tiegħu kien ċaħad dan u qal li mhux hu kien għaddijhomla. Diversi xiedha kienu qalu li peress li Agius ma kinitx taf kif tinjetta d-droga waħedha, kien Azzopardi li kien jagħmel dan.

Id-doża li rriżultat fatali għal Agius kienet ingħtatilha minkejja li ħabib tagħha kien wissa lil Azzopardi biex ma jagħmilx dan għaliex kienet għadha kemm ħadet trankwillant u jekk jitħalltu fis-sitema tagħha jistgħu ikunu fatali.

Fil-qorti kien ħareġ wkoll li Aġius mill-ewwel kienet tilfet konoxxenza wara li ħadet l-aħħar doża.

Meta l-ġisem tagħha kien instab fil-baħar kien diffiċli għall-esperti forensiċi sabiex jistabilixxu l-kawża tal-mewt iżda mill-marki fuq idejha u mir-riżultati tossikoloġiċi kien ġie kkonfermat li Agius kellha fis-sistema tagħha morfina u/jew eroina f’xi ħin qabel mietet u nxteħtet fil-baħar.

Il-Qorti osservat li l-verżjoni ta’ Attard ma kinitx waħda kredibbli peress li jiftakar kollox iżda “konvenjentament jiċħad li kien hu li għaddielha d-droga dak il-lejl.”

Meta l-qorti tat id-deċiżjoni tagħha żammet f’moħħa id-dewmien fil-proċeduri li ma kellux jaħti għalihom l-akkużat u li pero ma jfissirx li ma kinx se jħallas għal dak li kien wettaq.

Jirriżulta li sakemm ittieħdu dawn il-proċeduri Attard irriforma ruħu iżda l-qorti ma kelliex għażla ħlief li timponi sentenza ta’ ħabs b’mod effettiv. Għalhekk hu ngħata sentenza ta’ sentejn ħabs minflok sitta u multa ta €1,000.

L-avukat Edward Gatt assista lil Attard.