Traffic lights fit-telgħa tal-Marsa?

Il-Viċi Sindku tal-Marsa Josef Azzopardi qed jappella lil Transport Malta biex tikkunsidra li fit-telgħa tal-Marsa li tagħti għall-mini ta’ Santa Venera jiġu installati dwal tat-traffiku.
Ilbieraħ waranofsinhar Newsbook.com.mt irrapporta kif wara biss 20 siegħa li Transport Malta għalqet waħda mill-karreġġjati fl-istess triq, din reġgħet infetħet għat-traffiku.
Ma’ Newsbook.com.mt, Josef Azzopardi qal li jemmen li s-soluzzjoni hija t-traffic lights u mhux li tingħalaq xi karreġġjata.
Sostna li jisma’ diversi lmenti minn residenti li joqogħdu fl-inħawi, b’mod partikolari tal-Parroċċa ta’ Marija Reġina, “li kuljum iridu jaqsmu t-triq eżatt minn quddiem dawn iż-żewġ karreġġjati fit-telgħa.”
Żied jgħid li “bosta nies qed jissograw ħajjithom kuljum meta jaqsmu minn hemm.” Qal li ġieli jgħaddi mit-telgħa tal-Marsa kmieni filgħodu u jara nies jaqsmu fid-dlam. Argumenta li dan hu sogru kbir u tista’ sseħħ diżgrazzja faċilment.
Josef Azzopardi semma wkoll kif ħafna Marsin dilettanti taż-żwiemel, jew li għandhom xi remissa fin-naħat tal-korsa, jaqsmu minn hemm kuljum ukoll.
Saħaq li l-periklu huwa kbir u jitlob lil Transport Malta tikkunsidra l-proposta ta’ traffic lights qabel ma jkun tard wisq. 
Newsbook.com.mt bagħat mistoqsijiet lil Transport Malta dwar jekk tikkunsidrax li tinstalla traffic lights fl-inħawi.