Tradizzjoni jew Krudeltà: It-tlielaq taż-żwiemel fit-toroq Għawdxin

Facebook/Soċjetà Filarmonika La Stella

Riċentament il-Qorti ddeċidiet kontra t-tlielaq taż-żwiemel fit-toroq Għawdxin u kienu bosta dawk li ħallew l-opinjonijiet tagħhom fuq il-midja soċjali dwar dan. Filwaqt li bosta qalu li din hija “tradizzjoni” oħrajn sostnew li hija “krudiltà”.

Dawn kienu qed jikkummentaw fuq id-deċiżjoni li ħa l-Maġistrat Joseph Mifsud fejn waqqa’ l-akkużi fil-konfront ta’ raġel minħabba nuqqas ta’ evidenza.

Xi persuni ma qablux mal-opinjoni tal-Qorti u sostnew li dawn huma tradizzjonijiet u delizzji u jekk wieħed jagħmel ħażin mhux sew li jeħel kulħadd miegħu. Huma weħħlu fil-vittma u qalu li tort tiegħu li qasam it-triq waqt li kienu qed itellqu.

Min-naħa l-oħra, oħrajn ikkundannaw din it-tradizzjoni u ddeskrivewha bħala sport “diżgustanti” li jseħħ fis-sħana. Bosta kienu dawk li sostnew li din hija krudeltà fuq l-annimali u dawn it-tlielaq mhux posthom fit-toroq.

Persuna partikolari talbet għal aktar investiment fil-korsa taż-żwiemel eżistenti fin-Nadur.

It-tiġrija li jmiss fl-istess triq se ssir fil-15 ta’ Awwissu li ġej għall-festa ta’ Santa Marija.